L-impatt tal-COVID-19 fuq il-katina tal-provvista tal-ikel

KESE Info: Ir-ristoranti u l-barijiet ingħalqu matul il-pandemija. Din is-sitwazzjoni kif taffettwa lill-produtturi tal-ikel, il-fornituri, is-sidien tar-ristoranti, il-kultura tal-ikel u l-konsum tal-ikel? X’inhu l-aħjar mod biex in-nies jerġgħu lura għax-xogħol?

Peter Schmidt, President tas-Sezzjoni NAT: Il-produtturi tal-ikel, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u l-bejjiegħa tal-ikel bl-imnut jinsabu taħt pressjoni anke fi żminijiet normali. Kulħadd jistenna provvista tal-ikel adegwata tal-ogħla kwalità f’kull ħin.

L-aħbar it-tajba fost l-aħbarijiet ħżiena kollha li ġabet magħha l-pandemija hija li l-provvista tal-ikel tal-Ewropa taħdem tajjeb, anke fi żminijiet ta’ kriżi! Wieħed jista’ jargumenta li l-katina tal-provvista tal-ikel hija dik li ħadmet l-aħjar matul il-kriżi attwali. Fl-ebda mument ma kien hemm xkafef tal-ikel vojta fis-swieq Ewropej.

Madankollu, il-pandemija ħarġet fid-dieher xi punti dgħajfa li qabel kienu jiġu injorati. Nixtieq nenfasizza fil-qosor tlieta minnhom.

Problema li malajr ħarġet fid-dieher tikkonċerna l-impjieg tal-ħaddiema tal-ħsad fil-biedja, u problema oħra kienet l-istruttura tal-industrija tal-laħam.

Fiż-żewġ każijiet, il-produzzjoni kienet ibbażata fuq forza tax-xogħol irħisa, l-aktar mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u migranti (jew nazzjonali ta’ pajjiżi terzi), b’abbuż tal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Ewropa u pressjoni enormi fuq il-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-lockdowns ħarbtu dawn il-ktajjen tal-provvista. Fl-istess ħin, ġew esposti l-kundizzjonijiet ħżiena li fihom dawn in-nies jgħixu u jaħdmu. Dawk il-kundizzjonijiet wasslu wkoll għal ktajjen tal-infezzjoni u tifqigħat tal-marda. Fil-każ tal-industrija tal-laħam, dan wassal lill-Gvern Ġermaniż biex jadotta regolamenti biex jipproteġi lill-ħaddiema.

It-tielet qasam tal-katina tal-provvista tal-ikel li qed jiffaċċja problemi kbar huwa s-settur tal-lukandi u tar-ristoranti u l-industrija tat-turiżmu kollha kemm hi globalment.

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-intrapriżi fil-qasam tal-ospitalità huma magħluqin minħabba projbizzjonijiet, curfews, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u waqfien fis-settur. Eluf ta’ kumpaniji qed isibuha diffiċli ħafna biex jibqgħu fuq saqajhom jew jistgġu jgħibu.

Miljuni ta’ ħaddiema qiegħdin fuq programmi ta’ assenza bil-permess jew ta’ żamma tal-persunal jew tilfu xogħolhom. Ħafna kumpaniji tal-lukandi bdew jirristrutturaw u jagħtu s-sensja lill-ħaddiema. Il-futur tas-settur huwa inċert u l-irkupru x’aktarx idum u jkun diffiċli.

L-azzjonijiet li ġejjin għandhom jittieħdu kemm jista’ jkun malajr:

  • għandha tiġi żgurata adozzjoni u implimentazzjoni rapida tal-Pjan ta’ Rkupru tal-UE: l-intrapriżi u l-ħaddiema ma jistgħux jistennew aktar;
  • l-oqsma tal-ospitalità u tat-turiżmu għandhom jitqiegħdu fil-qalba tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, bl-involviment tal-imsieħba soċjali bil-għan li jiġu salvati kemm jista’ jkun impjiegi, u li s-settur jiġi apoġġjat ekonomikament u rridu nistinkaw għal irkupru rapidu, iżda sikur u koordinat u faċilità tal-ivvjaġġar;
  • nestendu l-miżuri ta’ emerġenza kollha bħall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar tal-anqas sa Settembru 2021, biex b’hekk jiġu żgurati allowances ġusti għall-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema staġjonali u temporanji;
  • inżidu l-pagamenti tal-allowances għal ħinijiet iqsar għal 100%;
  • l-implimentazzjoni u l-infurzar adatti tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, b’mod partikolari d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet tax-xogħol, miftiehma u konġunti, fil-livell nazzjonali u dak transfruntier;
  • jinstab mudell sostenibbli ġdid għat-turiżmu permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”.

Kull appoġġ finanzjarju bħal għajnuna mill-Istat, self jew eżenzjonijiet mit-taxxa għandhom jingħataw biss lin-negozji li:

  • jissalvagwardjaw l-impjieg / joħloqu impjiegi deċenti, jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ftehimiet kollettivi,
  • mhumiex irreġistrati f’rifuġji fiskali u dejjem ħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali;
  • jaqblu li jissospendu l-pagamenti tal-imgħax, ir-riakkwisti ta’ ishma u l-opzjonijiet fuq l-ishma matul il-kriżi.