Stqarrija mill-President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, Stefano Mallia

L-impjegaturi tal-UE jilqgħu l-ftehim tal-Brexit u jawguraw mill-qalb lit-tim tan-negozjar tal-Kummissjoni Ewropea, li tmexxa b’ħila minn Michel Barnier. Madankollu, hekk kif in-negozji qed jippruvaw jifhmu t-trattat kummerċjali ta’ 1 200 paġna, huma qed jitolbu perjodu ta’ aġġustament biex jgħinhom fil-proċess diffiċli ta’ tagħlim tagħhom.

L-impjegaturi Ewropej jilqgħu b’sodisfazzjoni il-fatt li ntlaħaq Brexit b’mod ordnat u li nżammet l-integrità tas-suq uniku. Madankollu, anke jekk ma jiġu imposti l-ebda tariffa jew kwoti restrittiva fuq il-prodotti kkummerċjalizzati, l-għadd ta’ kontrolli doganali u regolatorji ġodda, inklużi regoli tal-oriġini u rekwiżiti stretti tal-kontenut lokali, se joħloq burokrazija li possibbilment tnaqqas ir-ritmu tal-proċessi, u l-ktajjen tal-provvista se jieħdu ż-żmien biex jaġġustaw għar-realtà l-ġdida. 

Din hija r-raġuni għaliex il-kumpaniji jeħtieġu perjodu ta’ aġġustament biex ilaħħqu mat-tibdil. Hemm bżonn li tiġi implimentata sistema heavy-duty, bħal ngħidu aħna SOLVIT għall-BREXIT, sabiex tappoġġja lin-negozji kollha, speċjalment l-SMEs

Fl-istess ħin, jidher ċar li hemm bżonn ritorn mal-mejda tan-negozjati sabiex is-settur tas-servizzi jiġi inkluż fil-ftehim, sabiex jiġi żgurat il-fluss mingħajr xkiel tad-data bejn l-UE u r-Renju Unit u jiġi garantit ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki.

Jekk irridu li l-Ewropa u r-Renju Unit jibqgħu konnessi mill-qrib, hemm bżonn nissoktaw bil-ħidma dwar ir-relazzjoni tagħna. Ir-Renju Unit qatt ma jista’ jkun sempliċi biss pajjiż terz ieħor. Il-ftehim għandu jkun pjattaforma solida għall-kooperazzjoni futura f’għadd ta’ oqsma li għandhom impatt kbir fuq l-ambjent kompetittiv tagħna, li jvarjaw mit-tibdil fil-klima sat-trasformazzjoni diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-istandards. Iżda l-ftehim huwa biss l-aħħar stadju fil-proċess tal-bidu.

Is-soċjetà ċivili u l-impjegaturi b’mod partikolari iridu jikkumbattu biex iżommu miftuħin il-kanali tal-kummerċ u biex tinbena struttura soda li tippermetti li dan iseħħ. (dv/kr)