European Economic
and Social Committee
Hekk kif bdiet is-sena l-ġdida, Franza ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ippjanata mill-bidu nett bħala presidenza ġeneralment ambizzjuża, il-Presidenza għandha fil-qalba tagħha aġenda biex tesplora mudell ġdid għat-tkabbir għall-Unjoni Ewropea. Dan huwa assolutament essenzjali fi żmien ta’ bidla trasformattiva.
Filwaqt li l-ingredjenti ewlenin għat-tkabbir – l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-intraprenditorija u l-finanzi – u stat li jiffunzjona tajjeb b’istituzzjonijiet sodi ser ikunu dejjem meħtieġa, tkabbir konvinċenti u sostnut ser jeħtieġ bidla fl-atteġġament minn tliet aspetti.
Fil-qasam tal-politika, il-kooperazzjoni, u mhux il-kompetizzjoni, hija l-muftieħ biex jinkisbu riżultati tajbin. Il-kunċetti ta’ kompetizzjoni u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni jixprunaw il-biċċa l-kbira tar-regolamenti nazzjonali u internazzjonali fis-seħħ. Madankollu, l-emerġenza ta’ ġganti tat-teknoloġija globali u d-dħul taċ-Ċina fis-swieq globali jimplikaw li huwa diffiċli ħafna li jiġu kkontrollati u miżmuma l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta għal kulħadd. Il-kunċett ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni jassumi li aħna lkoll ugwali. Għalkemm nixtiequ li dan huwa minnu, fir-realtà mhux il-pajjiżi kollha huma l-istess. Li nimmiraw għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni jinjora dan il-fatt. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, min-naħa l-oħra, għandhom l-għan li jiksbu riżultati li huma aċċettabbli għal kulħadd. It-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jiffoka aktar fuq il-mod kif issir promozzjoni.
Pereżempju fl-Ewropa, l-UE għandha iktar x’tigwadanja jekk tikkoordina l-azzjonijiet tagħha internament u timmira li tikseb vuċi unika esternament. Ir-rispons deċiżiv, rapidu u ċar tal-UE matul il-kriżi pandemika, b’mod partikolari meta mqabbel mar-rispons tagħha għall-kriżi finanzjarja, wera kemm il-kooperazzjoni tista’ tkun effettiva biex jinkisbu eżiti tajbin.
Ekoloġizzazzjoni, mhux greenwashing. L-UE stabbiliet dawk li huma mingħajr dubju, u b’raġuni tajba, għanijiet inkredibbilment ambizzjużi għall-politika tagħha dwar il-klima. Madankollu, għandha problemi kbar x’tegħleb, anke fir-rigward tas-sinċerità tagħha biex mill-kliem tgħaddi għall-fatti. It-tassonomija li ġiet ippubblikata dan l-aħħar u li tiddefinixxi l-investimenti ekoloġiċi hija eżempju ta’ għodda importanti ħafna, iżda waħda li tista’ tiġi kkontestata f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, il-Bank Ċentrali Ewropew, attur importanti f’dan ir-rigward, ġustament żied l-ekoloġizzazzjoni tal-politika monetarja mal-objettivi ewlenin tiegħu. Madankollu, m’għandux l-għodod meħtieġa biex jagħmel dan u mhu fl-ebda pożizzjoni li jġarrab l-ispiża tan-nuqqas li jikseb objettivi klimatiċi mingħajr ma jagħmel ħsara lill-objettivi finanzjarji l-oħra tiegħu. Bl-istess mod, filwaqt li l-UE hija kapaċi tagħmel il-produzzjoni tagħha aktar ekoloġika, għadha ’l bogħod mill-ekoloġizzazzjoni tal-konsum tagħha. It-tentattiv biex jiġu ntaxxati l-importazzjonijiet li jniġġsu (miżura li probabbli dalwaqt tiġi applikata) huwa tentattiv tajjeb f’din id-direzzjoni iżda jeħtieġ li jiġi żgurat li dan ma jwaqqafx lill-pajjiżi ifqar milli jaċċessaw is-suq tal-UE. Dan huwa bilanċ delikat ħafna li l-UE se jeħtiġilha tiġġestixxi, peress li l-inċentivi tal-greenwashing huma viżibbli ħafna.
Żmien għall-alleanzi ta’ dawk li mhumiex tal-istess fehma Sikwit nisimgħu li biex jiġu indirizzati l-problemi globali jeħtieġ li jinħolqu alleanzi strateġiċi ta’ dawk li huma tal-istess fehma. Xprunata, bir-raġun, mix-xewqa li jsir progress, l-Ewropa għandha bżonn titkellem ma’ dawk li jaħsbu u jitkellmu bl-istess mod. Skont dan ir-raġunar, dan l-approċċ jagħtiha piż akbar u għalhekk setgħa ta’ negozjar akbar fit-taħditiet tagħha ma’ dawk li mhumiex tal-istess fehma. Madankollu, biex isolvu problemi globali, l-alleanzi strateġiċi parzjali li jiksbu ftehimiet imbagħad jeħtieġ li jikkomunikaw dawk il-ftehimiet “lin-naħa l-oħra”. U dawk fuq in-naħa l-oħra tal-alleanzi mhux gost tagħhom li jiġu kkonfrontati bi ftehimiet ta’ “jew hekk jew xejn”. Fir-rigward tal-beni pubbliċi globali, bħall-klima, kulħadd irid jipparteċipa fin-negozjati u jikkontribwixxi b’rata li tkun proporzjonata mal-kapaċità tiegħu. Huwa kruċjali immens li jkun hemm impenn ma’ partijiet mhux tal-istess fehma jekk irridu progress sostenibbli.
Jeħtieġ li jinbidel xi ftit l-atteġament biex jiġu solvuti l-problemi globali kif ukoll dawk domestiċi. M’għadniex f’pożizzjoni li jista’ jibqa’ jkollna “kompetizzjoni perfetta”, intenzjonijiet tajbin, jew tabilħaqq li nitkellmu biss ma’ dawk li jaħsbu bl-istess mod. Ejja nittamaw li l-2022 tkun is-sena li nistinkaw aktar f’dan ir-rigward.
Maria Demertzis, Deputat Direttur ta’ Bruegel