Il-Grupp Konsultattiv Domestiku UE-Ġappun

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019. Il-Ftehim jinkludi kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (Kapitolu 16), li jinkludi l-impenji tal-UE u tal-Ġappun li jippromovu d-drittijiet tal-ħaddiema, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, kif definiti mill-istrumenti internazzjonali bħall-Konvenzjonijiet tal-ILO u ftehimiet ambjentali multilaterali, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi. Ikopri wkoll oqsma bħar-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-diversità bijoloġika, il-forestrija sostenibbli u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-akkwakultura.

Il-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jipprevedi wkoll l-istabbiliment minn kull Parti ta’ Gruppi Konsultattivi Domestiċi magħmula minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-Grupp Konsultattiv Domestiku taħt il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun jinkludi membri mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej oħrajn, li jiżguraw rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ partijiet interessati ekonomiċi, soċjali u ambjentali, inklużi fost oħrajn, l-organizzazzjoniet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema u ta’ gruppi ambjentali.

L-għan primarju tal-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE huwa li jissottometti opinjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Kapitolu tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun.

Downloads

Rules of procedures EU-Japan Domestic Advisory Group (Word version)
Rules of procedures EU-Japan Domestic Advisory Group (pdf version)