Il-libertà tal-espressjoni hija dritt li rridu ngħożżu u niddefendu

Il-midja soċjali qiegħda kulma jmur trewwaħ in-nirien tal-vjolenza. Dan il-fenomenu jwassal għal vjolenza verbali jew fiżika kontra kwalunkwe awtorità, kemm jekk hija politika, tal-pulizija, istituzzjonali jew privata. Hemm l-impressjoni li fuq il-midja soċjali kollox jista’ jingħad, kollox jista’ jiġi difiż, kemm jekk inhu veru jew falz. Persuna tista’, pereżempju, tqis li d-diżappunt tagħha huwa leġittimu u tasal sal-punt li tagħti daqqa ta’ ħarta lill-President ta’ Franza.

Fil-fehma tiegħek, bħala President tal-Grupp Ad Hoc dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt, f’dan il-kuntest, sa liema punt ma għandux jinqabeż il-limitu fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet individwali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni?

Cristian Pîrvulescu: Il-libertà tal-espressjoni hija ċentrali fis-soċjetajiet demokratiċi tagħna. Huwa dritt fundamentali li mingħajru d-demokrazija ma tistax tiġi eżerċitata. Huwa wkoll simboliku li jiġi affermat li kulħadd jew kważi kulħadd jisħaq li jiddefendi l-libertà tal-espressjoni, anke dawk li l-intenzjonijiet tagħhom mhux dejjem huma li jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd.

Madankollu, il-libertà tal-espressjoni hija dritt li xi kultant ma jinftiehemx sew. Ħafna jemmnu li dan id-dritt huwa assolut u jużaw dan l-argument biex jiġġustifikaw l-abbużi kollha possibbli. Xi minn daqqiet, l-abbużi lingwistiċi jwittu t-triq għal vjolenza reali u inaċċettabbli. Dan rajnieh f’ċerti episodji traġiċi dan l-aħħar, li jpoġġu l-kwistjoni tar-regolazzjoni tal-midja soċjali fil-qalba tad-diskussjonijiet.

Legalment, huma l-awtoritajiet tal-Istat li huma responsabbli li jattwaw id-drittijiet. Huma jistgħu jillimitaw il-libertà tal-espressjoni, iżda biss b’mod tassew eċċezzjonali u kkontrollat: jeħtieġ li jkunu miżuri li huma meħtieġa f’soċjetà demokratika, pereżempju, għas-sigurtà nazzjonali, għall-prevenzjoni tal-kriminalità, għall-protezzjoni tas-saħħa, eċċ. Fi stat tad-dritt, huma l-qrati li għandhom ir-rwol li jsolvu t-tilwim u li jistabbilixxu l-limitu li ma għandux jinqabeż f’dan il-qasam. La l-eżekuttiv, la l-individwi u lanqas il-gruppi ma jistgħu jieħdu l-liġi f’idejhom!

L-istorja turina li, tradizzjonalment, min huwa f’pożizzjoni ta’ tmexxija għandu t-tentazzjoni li jipprova jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni biex jillimita t-talbiet u l-oġġezzjonijiet tal-poplu. Madankollu, iċ-ċensura tal-passat m’għadhiex possibbli fiż-żminijiet tal-midja soċjali. Għalhekk, nosservaw li l-problema iċċaqalqet għal lat ieħor tal-libertà tal-espressjoni: id-dritt għall-informazzjoni. Illum sar verament diffiċli li persuna tiddistingwi bejn l-informazzjoni bbażata fuq fatti reali u d-diżinformazzjoni li tinxtered għal finijiet differenti.

Dak li huwa ċert huwa li d-difensuri ta’ approċċ ibbażat fuq il-verità – pereżempju l-ġurnalisti investigattivi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – jinsabu fuq quddiem nett. Jekk ħidmithom ma tinżilx tajjeb ma’ ċerti persuni li jinsabu fit-tmexxija jew ma’ ċerti gruppi, issa huwa aktar faċli li tkasbarhom online, li tpenġihom bħala għedewwa tan-nazzjon jew aġenti barranin fil-midja u fuq il-midja soċjali, aktar milli jiġu ċċensurati. L-ewwel eżempju li jiġi f’moħħna huwa dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hija kienet soġġetta għal għexieren ta’ azzjonijiet legali abbużivi (l-hekk imsejħa SLAPP – kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) qabel ma nqatlet. Peress li ma rnexxilhomx isikktuha, xi wħud iddeċidew li joqtluha! Il-fatt li feġġgħet il-vjolenza kontra l-ġurnalisti fl-Ewropa jagħmilha saħansitra aktar evidenti li l-libertà tal-espressjoni hija dritt li rridu ngħożżu u niddefendu b’mod deċiżiv f’din ir-realtà l-ġdida.