Il-KESE jeleġġi lil Christa Schweng, mill-Awstrija, għall-ogħla kariga tiegħu

Magħquda għall-ġejjieni tal-Ewropa: il-President il-ġdida hija determinata terġa’ tibni l-unità u r-reputazzjoni tal-KESE u turi l-valur miżjud tiegħu biex jinfluwenza t-tiswir tal-politika fil-livell tal-UE

 

Christa Schweng, mill-Awstrija, saret it-33 President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-ħames mara li tmexxi l-korp tal-UE li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata sa mit-twaqqif tiegħu fl-1958. Iż-żewġ Viċi Presidenti l-ġodda eletti biex jingħaqdu magħha fit-tmexxija tal-KESE huma Giulia Barbucci (l-Italja) għall-baġit u Cillian Lohan (l-Irlanda) għall-komunikazzjoni.

Il-KESE ħatar it-tmexxija l-ġdida tiegħu fit-28 ta’ Ottubru, fit-tieni jum tas-sessjoni plenarja inawgurali tiegħu ta’ tlett ijiem. Din il-plenarja tikkostitwixxi l-bidu tal-mandat tal-KESE 2020-2025; aktar minn 40 % tat-329 membru tiegħu huma ġodda. Minħabba r-restrizzjonijiet stretti tal-COVID-19, is-sessjoni inawgurali kollha qed issir online bl-eċċezzjoni tas-sessjoni tal-ftuħ tagħha, li saret mill-bogħod iżda ġiet ippreseduta personalment mill-aktar membru anzjan tal-KESE, Raymond Coumont, mill-emiċiklu vojt fil-Parlament Ewropew.

Wara l-ħatra tagħha, is-Sinjura Schweng qalet: Dan il-mandat ser ikun ikkaratterizzat mill-COVID-19 u, sfortunatament, minn żminijiet ta’ inċertezza u diffikultajiet ekonomiċi u soċjali, li minħabba fihom l-intrapriżi qed ibatu biex jibqgħu fuq saqajhom u l-ħaddiema qed jitilfu l-impjieg tagħhom. Fil-kuntest attwali, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li ningħaqdu flimkien, niżviluppaw viżjoni għal Ewropa ġdida wara l-COVID-19 u nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-Kumitat tagħna jipprovdi kontribut qawwi għall-irkupru tal-Ewropa u r-reżiljenza futura tagħha. Dan ser jimxi id f’id mal-bini mill-ġdid ta’ KESE aktar magħqud, effettiv u apprezzat ħafna.

Għal din ir-raġuni, il-motto tal-presidenza l-ġdida tas-Sinjura Schweng huwa Magħquda għall-ġejjieni tal-Ewropa.

Il-President il-ġdid wiegħdet li taġixxi immedjatament biex tiġi rkuprata r-reputazzjoni tal-KESE u terġa’ tinbena l-fiduċja fl-istituzzjoni wara li dan l-aħħar il-Kumitat tenna l-impenn sod tiegħu biex jiġġieled il-fastidju fuq il-post tax-xogħol.

Neħtieġu Kumitat li huwa magħqud u li jissodisfa l-ogħla standards etiċi, Kumitat b’immaġni eċċellenti, qalet is-Sinjura Schweng, u żiedet li l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-KESE għall-Membri u r-Regoli ta’ Proċedura ser jissaħħu fil-bidu tal-mandat tagħha.

Peress li l-presidenza tal-KESE tinbidel f’nofs il-mandat, il-mandat tal-Bureau l-ġdid immexxi mis-Sinjura Schweng, li tkompli minn fejn ħalla l-predeċessur tagħha Luca Jahier, ser idum sentejn u nofs, sa Marzu 2023.

Il-programm tal-President ser ikun ibbażat fuq il-prijoritajiet li ġejjin, li huma konformi mal-viżjoni tagħha ta’ Ewropa wara l-COVID-19 li tippermetti liċ-ċittadini tagħha jirnexxu u jgħixu f’soċjetà miftuħa u bbażata fuq il-valuri: Ewropa li qed issir ekonomikament prosperuża; Ewropa li hija soċjalment inklużiva; u Ewropa li hija ambjentalment sostenibbli.

Ir-raba’ prijorità hija li jiġi żgurat li l-KESE jaqdi rwol vitali fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li hija inizjattiva importanti li għandha tagħti lill-Ewropej sens ta’ sjieda tal-UE tagħhom billi tippermettilhom jiddibattu suġġetti ewlenin tal-UE, bil-għan li jittejjeb il-mod kif taħdem l-UE.

Il-programm tal-President jargumenta li l-iżvilupp sostenibbli għandu jsir mentalità u bażi għal ekonomija kompetittiva, mingħajr ma ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. It-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi għandhom jiġu integrati f’kull qasam ta’ politika.

Il-Viċi President eletta għall-Baġit, is-Sinjura Barbucci, qalet: Hija r-responsabbiltà tagħha li nuru liċ-ċittadini Ewropej li l-UE u l-mudell soċjali uniku tagħha jistgħu jgħinuna nsibu triq ’il barra minn dil-kriżi. F’dan iż-żmien delikat, il-KESE għandu rwol ewlieni x'jaqdi. Aħna l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali fl-Ewropa. Ta’ kuljum naħdmu qatigħ biex nippromovu d-demokrazija u niżviluppaw UE aktar parteċipattiva.

Il-Viċi President il-ġdid inkarigat mill-Komunikazzjoni, is-Sur Lohan, qal: Il-kisbiet tal-KESE huma r-riżultat tal-ħidma bla waqfien tagħna biex noħolqu perspettivi uniċi ta’ valur li, b’mod kritiku, għandhom l-appoġġ ta’ grupp differenti tas-soċjetà ċivili organizzata. Jeħtieġ li xogħolna jilħaq lill-istituzzjonijiet tal-UE b’mod li jinstema’ sew u biċ-ċar. U se niffukaw fuq id-direzzjoni l-oħra wkoll – fuq in-networks domestiċi tagħna, fi proċess iterattiv li se jgħinna nfasslu dawk is-soluzzjonijiet li se jaqdu lil kulħadd, u mmexxu bl-eżempju, billi nerġgħu nqiegħdu l-parteċipazzjoni attiva fid-demokrazija parteċipattiva.

Il-President ser tippreżenta l-programm matul id-diskors tagħha, li ser jitwassal mill-bogħod fis-sessjoni plenarja inawgurali tad-29 ta’ Ottubru. Dan jista’ jiġi segwit hawnhekk.

Sfond:

 

  • Christa Schweng (AT): President tal-KESE, president tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza tal-KESE mill-2018 sal-2020, Grupp ta’ Min Iħaddem – paġna web tal-President
  • Giulia Barbucci (IT): Viċi President tal-KESE, membru tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji, Grupp tal-Ħaddiema – paġna web tal-Viċi President (baġit)
  • Cillian Lohan (IE): Viċi President tal-KESE, kelliem għall-Kategorija tal-Konsumaturi u l-Ambjent, Grupp Diversità Ewropa – paġna web tal-Viċi President (komunikazzjoni)
  • Il-President u ż-żewġ Viċi Presidenti jiġu eletti b’maġġoranza sempliċi matul is-sessjoni inawgurali tal-Assemblea. Dawn jintgħażlu minn fost kull wieħed mit-tliet gruppi tal-KESE (il-Grupp ta’ Min Iħaddem, il-Grupp tal-Ħaddiema u l-Grupp Diversità Ewropa) b’rotazzjoni, għal mandat ta’ sentejn u nofs. Dan ifisser li jiġu eletti darbtejn matul kull mandat tal-KESE – fil-bidu u f’nofs il-mandat. Il-President hija responsabbli għall-funzjonament kif imiss tal-attivitajiet tal-Kumitat, u tirrappreżenta l-KESE fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra. Iż-żewġ Viċi Presidenti – eletti minn fost il-membri taż-żewġ gruppi li għalihom ma tappartjenix il-president – huma responsabbli għall-komunikazzjoni u l-baġit rispettivament.
  • Il-KESE huwa magħmul minn 329 membru mis-27 Stat Membru. Dawn jiġu nominati mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom u jinħatru mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal perjodu ta’ ħames snin. Huma mbagħad jaħdmu b’mod indipendenti fl-interessi taċ-ċittadini kollha tal-UE. Dawn il-membri mhumiex politiċi iżda impjegaturi, trejdjunjonisti u rappreżentanti ta’ setturi tas-soċjetà differenti, bħall-biedja, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk ambjentali, l-ekonomija soċjali, l-SMEs, il-professjonisti, u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà, is-settur tal-volontarjat, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iż-żgħażagħ, il-qasam akkademiku u oħrajn. Il-mandat il-ġdid tal-KESE – is-16-il mandat tiegħu minn meta twaqqaf fl-1958 – ser ikun minn Ottubru 2020 sa Settembru 2025.