European Economic
and Social Committee
Editorjal
Is-soċjetà ċivili tindirizza l-polarizzazzjoni tas-soċjetà
April magħna, u għadna qed nirriflettu dwar il-ġranet intensivi li esperjenzajna u l-ispunti ta’ riflessjoni li ħarġu mill-avvenimenti ewlenin tagħna li saru f’Marzu, u li għal darb’oħra wrew is-saħħa u d-determinazzjoni tas-soċjetà ċivili.
Marzu kien tabilħaqq xahar intensiv u ta’ ispirazzjoni fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ospitajna l-avveniment annwali tagħna għaż-żgħażagħ, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek, li matulu nagħtu l-kelma lill-futur tal-Ewropa: iż-żgħażagħ, li ħafna minnhom għadhom jattendu l-iskola sekondarja, u li jiġu minn madwar il-kontinent kollu, inklużi r-Renju Unit u l-pajjiżi kandidati tal-UE.
Organizzajna wkoll it-tieni Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tagħna, li laqqgħet flimkien aktar minn 800 rappreżentant tas-soċjetà ċivili mill-Ewropa kollha biex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet vivaċi, jiskambjaw l-aħjar prattiki, u flimkien isibu soluzzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika. It-tema ta’ din is-sena kienet It-tisħiħ tal-koeżjoni u l-parteċipazzjoni f’soċjetajiet polarizzati.
Fiż-żminijiet turbulenti tal-lum il-ġurnata, il-kwistjonijiet urġenti ma jonqsux. Allura għaliex iffukajna fuq il-polarizzazzjoni?
Il-polarizzazzjoni – it-tisħiħ ta’ fehmiet opposti – tista’ tkun parti normali mid-diskors demokratiku, li spiss ikun imsejjes fuq l-ideoloġija. Fil-fatt, dibattitu vivaċi u l-espressjoni ta’ opinjonijiet diversi, u saħansitra kunfliġġenti, huma vitali għal kwalunkwe soċjetà miftuħa u pluralistika bħal tagħna. Kif spiss enfasizza l-KESE, dibattitu miftuħ u mingħajr restrizzjonijiet huwa l-pedament ta’ soċjetà parteċipattiva, li mingħajrha d-demokrazija ma tistax tiffunzjona kif suppost.
Madankollu, it-tip ta’ polarizzazzjoni li qed naraw illum huwa differenti. Qed naraw żieda fil-polarizzazzjoni u l-populiżmu negattivi li jirrifjutaw id-djalogu, inaqqru l-fiduċja, u jdgħajfu l-valuri demokratiċi. Fil-politika u fil-ħajja pubblika, il-lok għal kompromess qed jonqos. Meta l-polarizzazzjoni ssir ostili, meta talimenta l-mibegħda jew ir-riżentiment, tfixkel il-koeżjoni soċjali, tħeġġeġ id-diviżjoni, u fl-agħar każijiet, twassal għall-vjolenza.
Aħna u niddedikaw l-avveniment tagħna għall-polarizzazzjoni, ridna nenfasizzaw iż-żieda inkwetanti fil-karatteristiċi tossiċi tagħha, li bil-mod il-mod qed jiżdiedu fin-nisġa kollha tas-soċjetajiet Ewropej.
Din it-tendenza inkwetanti hija amplifikata minn għadd ta’ theddid: l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi, it-tixrid tad-diżinformazzjoni, u l-manipulazzjoni tal-media soċjali biex tissikket l-oppożizzjoni u jiġu promossi fehmiet estremi. Qed naraw ukoll pressjonijiet dejjem akbar fuq il-libertà tal-media – permezz ta’ monopolizzazzjoni, interferenza mill-gvern, kif ukoll attakki fuq ġurnalisti — fi żmien meta l-media ħielsa u pluralistika hija aktar essenzjali minn qatt qabel.
Fil-KESE, ninsabu mħassba ħafna dwar iż-żieda fir-reati bbażati fuq il-mibegħda fl-Ewropa, inklużi dawk immirati lejn ir-reliġjon, is-sess u l-ġeneru. Il-mibegħda ddgħajjef id-demokrazija u l-istituzzjonijiet tagħna, u twassal għal nuqqas ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini.
Is-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali f’dan ir-rigward. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom il-grinta u l-kuraġġ biex jiddefendu l-ispazji demokratiċi, jiddefendu d-drittijiet fundamentali, u jsaħħu n-nisġa tal-komunitajiet tagħna. Dan jinkludi l-ġlieda kontra l-effetti tossiċi tal-polarizzazzjoni negattiva.
Aħna appoġġajna dan l-isforz permezz tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili. Dan l-avveniment offra spazju għal djalogu ġenwin, ideat ġodda, u soluzzjoni kollaborattiva għall-problemi bil-għan li jitrawmu l-parteċipazzjoni u l-koeżjoni soċjali. Ġew organizzati panels tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar suġġetti differenti, u jum minnhom kien iddedikat għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) – l-għodda aħħarija tal-UE għad-demokrazija diretta.
Bħala parti minn din il-Ġimgħa, il-KESE organizza wkoll il-15-il edizzjoni tal-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili li ngħata lil tliet inizjattivi eċċellenti li jiġġieldu l-polarizzazzjoni fl-Ewropa. Magħżula minn fost aktar minn 50 parteċipant minn 15-il Stat Membru, dawn il-proġetti juru kemm l-iskala tal-isfida kif ukoll l-impenn profond tal-atturi tas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw din l-isfida direttament.
Nittama li l-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili ta’ din is-sena u r-rebbieħa tal-premju tagħna jispiraw ottimiżmu u twemmin imġedda fir-rwol li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha fid-difiża u l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi Ewropej.
U peress li għadna qed nanalizzaw l-ideat, il-proposti, u t-tagħlimiet li nsiltu mill-avvenimenti tagħna ta’ Marzu, f’din l-edizzjoni ta’ April iddeċidejna li nagħtu l-kelma lil uħud mill-protagonisti tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili u L-Ewropa Tiegħek, Leħnek. Il-qari t-tajjeb!
Laurenţiu Plosceanu
Viċi President għall-Komunikazzjoni