European Economic
and Social Committee
Sandra Parthie: Il-COP27 – diskussjoni imma l-ebda azzjoni
Din is-sena, il-COP27, l-avveniment annwali ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti għan-negozjati dwar il-klima sar fl-Eġittu. Kisret diversi rekords, fost oħrajn dak tan-numru ta’ parteċipanti. Attendew għall-avveniment kważi 35 000 persuna – lura għan-normalità wara sentejn COVID-19 u restrizzjonijiet fuq il-laqgħat pubbliċi.
Il-konferenza, li oriġinarjament tlaqqgħet biex jintlaħaq qbil dwar proposti u soluzzjonijiet dwar kif għandu jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u biex jinstabu modi kif jittaffew il-konsegwenzi u jsir adattament għalihom, inbidlet f’xena fejn ġie enfasizzat l-impatt li qed ikollha fuq kulħadd klima li qed tinbidel, indipendentement minn fejn ġejjin u kif jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Fuq l-aġenda tal-COP27 kien hemm wisq aspettattivi u punti. Minbarra l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, kienu qed jiġu nnegozjati ħafna punti ta’ politika differenti, li jvarjaw mis-saħħa għall-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem. Għall-ewwel darba l-agrikoltura tpoġġiet ukoll fuq l-aġenda tal-laqgħa. Filwaqt li din uriet l-impatt tat-tħassib li d-degradazzjoni tal-art u tal-foresti qed ikollhom fuq is-sistemi tal-ikel tagħhom u fuq l-għajxien tal-bdiewa, din żdiedet dimensjoni oħra għal problema li diġà hija kumplessa żżejjed.
Ir-riżultat finali li nkiseb wara li l-Konferenza baqgħet għaddejja għal 36 siegħa żejda, jikkonċentra iktar fuq il-ġustizzja klimatika u inqas fuq l-azzjoni klimatika. Sorpriża pożittiva kienet li ntlaħaq ftehim dwar fond ta’ “telf u ħsara”, jiġifieri appoġġ finanzjarju biex ikun hemm kumpens għall-ħsara ambjentali u d-degradazzjoni li saret jew li qed issir minħabba t-tibdil fil-klima fl-iktar pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw. Dan is-suġġett ilu jitwarrab mill-Konferenza dwar il-klima għal kważi għaxar snin qabel ma fl-aħħar tpoġġa fuq l-aġenda tal-COP ta’ din is-sena.
Sar inqas progress, jew biex inkunu eżatt, ma sar l-ebda progress fir-rigward ta’ azzjoni klimatika iktar b'saħħitha, jiġifieri aktar sforzi u impenji mill-pajjiżi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Wassal fix-xejn tentattiv min-negozjaturi tal-Kummissjoni Ewropea biex jorbtu l-appoġġ tagħhom għall-fond għat-telf u l-ħsara ma’ konċessjonijiet minn kontaminaturi kbar, jiġifieri ċ-Ċina, biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tagħhom. Saħansitra kien hemm ir-riskju li l-pajjiżi jerġgħu lura mill-għanijiet li diġà kien hemm qbil dwarhom fil-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 u dawk tal-COP26 tas-sena l-oħra fi Glasgow.
Il-“COP ta’ implimentazzjoni”, kif tlaqqmet il-laqgħa f’Sharm el-Sheikh, fil-fatt kellha r-riskju li tħott ħafna mill-progress li nkiseb qabel, u essenzjalment heddet li tħoll l-għan maqbul li t-tisħin globali jiġi llimitat għal 1.5 gradi. Il-pajjiżi argumentaw dwar l-istatus taċ-Ċina (verament għadu pajjiż li qed jiżviluppa?), dwar it-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili kollha jew sempliċement tal-faħam, dwar il-kundizzjonijiet marbuta mal-fondi u t-teknoloġiji, eċċ.
Din id-dinamika tqajjem ħafna l-kwistjoni dwar jekk il-format għadux adattat għall-iskop tiegħu. L-għan ewlieni – li jintlaħaq ftehim globali dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 – intlaħaq fil-COP21 f’Pariġi. Kif għandu jiġi implimentat dan l-għan, jiġifieri liema metodi għandhom jintużaw biex jingħaddu l-emissjonijiet jew biex jiġi vverifikat it-tnaqqis, jew liema entitajiet għandhom ikunu responsabbli għal dan u fejn għandhom ikunu lokalizzati, huma kwistjonijiet tekniċi ħafna li forsi m’għandhomx jiġu nnegozjati bejn ministri ta’ kważi 200 pajjiż, speċjalment jekk kull konferenza tibda mill-bidu nett għal kull suġġett li mhuwiex ta’ gost għal xi partijiet. L-implimentazzjoni għandha tiġi indirizzata fil-livell tekniku – mhux mal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern li jiltaqgħu kull sena, iżda ma’ partijiet li jiltaqgħu għal intervalli itwal, kull meta jkun hemm bżonn ta’ ftehimiet ġodda biex il-ħidma tavvanza.
Għalhekk, il-COP27 fl-Eġittu ma laħqitx l-aspettattivi f’termini ta’ azzjoni klimatika iktar konkreta jew ambizzjuża, għalkemm avvanzat xi ftit fil-qasam tal-ġustizzja klimatika. Iżda kellha suċċess kbir bħala pjattaforma biex jitlaqqgħu attivisti tal-klima, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, biex turi l-azzjoni klimatika, jew in-nuqqas tagħha, u biex tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-perikli reali u attwali tat-tibdil fil-klima.