L-għan tat-tassonomija tal-UE huwa li tidderieġi l-investimenti lejn is-sostenibbiltà billi tipprovdi sistema ta’ klassifikazzjoni trasparenti għall-investituri u l-kumpaniji. Bħalissa, ir-Regolament tal-UE dwar it-Tassonomija u l-atti ta’ implimentazzjoni tiegħu jiffukaw fuq l-għanijiet relatati mal-klima u dawk ambjentali, ikkomplementati minn salvagwardji soċjali minimi. Filwaqt li l-KESE jilqa’ l-għanijiet ekoloġiċi, huwa jappella għal kunċett ta’ sostenibbiltà olistika, sabiex it-tassonomija tinkludi s-sostenibbiltà ambjentali, kif ukoll dik soċjali.

Is-salvagwardji soċjali minimi huma siewja iżda mhumiex biżżejjed biex jiżguraw is-sostenibbiltà soċjali għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-komunitajiet. It-tassonomija soċjali ppjanata se ssir aktar importanti jekk tkun parti minn politika ġenerali ntiża lejn is-sostenibbiltà soċjali, li jimplika wkoll il-finanzjament tal-benesseri soċjali mill-infiq pubbliku, u l-importanza tal-investiment pubbliku.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport, li ilu mistenni, li jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet li jkunu meħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tassonomija għal “objettivi oħra ta’ sostenibbiltà, bħall-objettivi soċjali”, kif mitlub fir-Regolament dwar it-Tassonomija. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma preparatorja komprensiva mwettqa mill-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli, u jirrakkomanda li jinżammu l-objettivi proposti ta’ xogħol deċenti, standards tal-għajxien adegwati u komunitajiet inklużivi riflessi f’approċċ f’diversi livelli. Barra minn hekk, id-Direttiva proposta dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà tikkomplementa tassonomija soċjali b’tali mod li l-miżuri jiġu vvalutati u evalwati fir-rigward tagħha. Il-KESE jirrakkomanda kriterji sempliċi u li jiġu pprovduti proċeduri faċli u trasparenti. L-integrazzjoni mill-qrib tat-tassonomiji soċjali u ambjentali għandha tkun l-għan aħħari, iżda bħala l-ewwel pass, is-salvagwardji minimi reċiproċi jistgħu jkunu prattiċi.

Id-domanda dejjem tikber għal investiment b’orjentazzjoni soċjali għandha tiġi appoġġjata billi tiġi pprovduta tassonomija affidabbli li tagħti aktar viżibbiltà lill-kumpaniji li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà soċjali. Tassonomija soċjali mfassla tajjeb tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiġi indirizzata l-problema tal-ħasil soċjali, fejn organizzazzjoni tagħmel dikjarazzjonijiet qarrieqa dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-prodotti jew is-servizzi tagħha. Dan għandu jikkostitwixxi standard tad-deheb, li jirrifletti livell ogħla ta’ ambizzjoni minn dak previst fil-leġiżlazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ lit-tassonomija soċjali tirreferi għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, bħall-SDG 8 dwar ix-xogħol deċenti. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil tat-tassonomija u għandhom jiġu pprovduti wkoll b’mekkaniżmi tal-ilmenti. Bħal fil-każ tat-tassonomija ekoloġika, id-definizzjoni ta’ x’għandu jiġi inkluż f’tassonomija soċjali se tkun kontroversjali. Iżda din hija eżattament ir-raġuni għaliex il-proċess ta’ definizzjoni għandu jkun soġġett għat-teħid ta’ deċiżjonijiet demokratiku. Is-suċċess tat-tassonomija huwa marbut mal-kredibbiltà tagħha, u l-attivitajiet inklużi jridu jissodisfaw definizzjoni aċċettata b’mod wiesa’ ta’ sostenibbiltà.