Ir-regoli għandhom jistabbilixxu obbligi għall-influwenzaturi, iżda wkoll għall-pjattaformi ta’ video-sharing u għan-networks tal-media soċjali

Ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-influwenzaturi hija waħda mill-industriji li kibret b’rata mgħaġġla f’dan l-aħħar deċennju. Il-kunsumaturi jqisu lill-influwenzaturi bħala persuni eqreb tagħhom, aktar awtentiċi u ta’ min jafdahom aktar mir-reklamar tradizzjonali jew l-approvazzjoni minn personalitajiet famużi, għaldaqstant, l-influwenzaturi qed jattiraw dejjem aktar l-investiment tal-kumpaniji.

Madankollu, għall-kuntrarju tar-reklamar tradizzjonali, li huwa soġġett għal regoli stretti ħafna, ir-reklamar mill-influwenzaturi jista’ jevita r-regoli dwar id-divulgazzjoni tar-reklamar. In-natura kummerċjali tal-posts tal-influwenzaturi mhux dejjem tkun identifikabbli faċilment, peress li r-reklami jidhru flimkien ma’ kontenut ppreżentat b’mod simili, iżda li jkun kontenut editorjali indipendenti. 

Dan in-nuqqas ta’ trasparenza huwa ta’ periklu għall-konsumaturi b’mod ġenerali u għall-minorenni b’mod partikolari. L-esponiment ta’ dan il-grupp vulnerabbli għal reklamar bil-moħbi jista’ potenzjalment jagħmel ħsara lill-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku, soċjali u emozzjonali tagħhom. 

L-UE għandha taġixxi? “Fil-fatt, l-UE diġà għandha xi mekkaniżmi fis-seħħ biex tittratta l-influwenzaturi, li huma koperti mil-leġiżlazzjoni kemm dwar dawk li jirreklamaw kif ukoll dwar il-bejjiegħa/in-negozjanti. Madankollu, aħna tal-fehma li huwa xieraq li jkun hemm approċċ komprensiv fid-dawl taż-żieda rapida ta’ dan il-fenomenu”, qal Bernardo Hernández Bataller, relatur tar-rapport tal-KESE dwar din il-kwistjoni.

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-UE għandha tistabbilixxi obbligi speċifiċi kemm għall-amministraturi kif ukoll għall-pjattaformi ta’ video-sharing u n-networks tal-media soċjali dwar kif joperaw l-influwenzaturi, u għall-ħallieqa ta’ kontenut/l-influwenzaturi nfushom. 

L-influwenzaturi għandhom:

  • jimmarkaw b’mod prominenti u mill-ewwel biex jenfasizzaw li l-post hija komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni;
  • jikkonformaw mar-regoli speċifiċi tas-settur imfassla biex jipproteġu s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u tal-utenti, speċjalment il-minuri u gruppi oħra vulnerabbli;
  • ikunu responsabbli jekk jonqsu milli jagħmluha ċara meta huma jkunu mħallsa biex japprovaw jew jippromovu prodott jew servizz.

L-amministraturi tal-pjattaformi u n-networks tal-media soċjali għandhom:

  • ikunu wkoll responsabbli għall-kontenut ippubblikat mill-ħallieqa tal-kontenut u mill-influwenzaturi li huma jospitaw; 
  • ikollhom l-obbligu li jneħħu kontenut illegali u li jirrapportaw attività illegali;
  • jitolbu lill-ħallieqa tal-kontenut/lill-influwenzaturi kollha li joperaw barra l-UE biex jindikaw b’mod ċar min huwa responsabbli legalment għall-attività tagħhom fl-UE u li jkollhom assigurazzjoni professjonali li tkopri kontra d-dannu kkawżat minn attivitajiet illegali.

Sabiex jiġu protetti l-minuri, il-pjattaformi u l-amministraturi tan-network soċjali, flimkien mal-influwenzaturi, għandhom jiżguraw li: 

  • huwa teknikament possibbli li jimpedixxu utenti taħt l-età milli jaraw kontenut sensittiv, li fi kwalunkwe każ irid ikun immarkat bħal “ipprojbit għal tfal taħt it-18-il sena”, jitolbu verifika tal-età u jippermettu l-użu tal-kontroll mill-ġenituri;
  • il-posts tal-influwenzaturi li jkunu mmirati għall-minuri jridu jinkludu l-kliem “reklamar”, “komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni”, jew “sponsorjat minn”; u li immaġni mmodifikati jiġu mmarkati bħala “immaġni modifikata” u prodotti tal-intelliġenza artifiċjali bħala “immaġni virtwali”.

L-Opinjoni tal-KESE tfasslet għall-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE, li qed tqis jekk għandhiex tiġi adottata regolamentazzjoni speċika, u talbet għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar din il-kwistjoni. (dm)