Fil-bidu ta’ Settembru 2021, flimkien mar-retturi tal-ħames universitajiet l-oħra li huma fundaturi tan-network Ewropew tagħna Eutopia, ilqajt fi Brussell lir-retturi ta’ tliet universitajiet ġodda li qed jingħaqdu man-network tagħna. Dawn kienu laqgħat tassew speċjali għal diversi raġunijiet.

L-ewwel nett, wara dawn ix-xhur kollha, fl-aħħar stajna niltaqgħu fiżikament. Meta f’Marzu 2020 kellna nieħdu deċiżjoni rivoluzzjonarja li nkomplu bil-ħidma tal-università online, ilkoll ittamajna li din se tkun xi ħaġa għal perjodu qasir ħafna. Barra minn hekk, f’dak iż-żmien, ħadd minna ma seta’ jbassar eżatt kif stajna nkomplu nżommu lill-università tibqa’ tiffunzjona online. Madankollu, irnexxielna. F’ħin qasir, l-għalliema ġew mħarrġa fl-użu ta’ modi ġodda ta’ kif jiġi organizzat it-tagħlim online, tfasslu protokolli biex il-ħidma essenzjali tkompli ssir fil-laboratorji, u nħolqu żewġ korpi governattivi ġodda temporanji biex jiggwidaw lill-università matul dawn iż-żminijiet straordinarji. Irnexxielna, grazzi għad-dedikazzjoni u l-perseveranza ta’ bosta nies. 

Jistgħu jinsiltu bosta tagħlimiet minn dan il-perjodu, madankollu nixtieq niffoka fuq tlieta.

L-ewwel, teżisti l-inugwaljanza. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet dan b’mod ċar. Il-probabbiltà li persuna timrad jew tmut, mhumiex imqassma b’mod uniformi f’din is-soċjetà. Dawk li huma foqra, dawk li għandhom inqas edukazzjoni, dawk li huma ta’ karnaġġjon skur jew bi sfond ta’ migrazzjoni ntlaqtu aktar minn din il-kriżi. Rajna wkoll dan fost l-istudenti tagħna. Kif tista’ tieħu sehem fl-edukazzjoni online meta ma għandekx spazju fejn tpoġġi l-kompjuter jew fejn tistudja, jew inkella jkollok taqsam dan l-ispazju ma' ħutek? Kif tista’ tkompli l-korsijiet jekk ma tafx kif se tkompli tħallas il-kontijiet, jew meta l-impjiegi kollha għall-istudenti ma baqgħux disponibbli? L-inugwaljanza teżisti. L-inugwaljanza qed issir aktar akuta.

It-tieni, din il-ġenerazzjoni tal-istudenti hija b’saħħitha u reżiljenti. Matul l-aħħar sena u nofs, l-istudenti impenjaw ruħhom bil-kbir, xi drabi f’kuntest diffiċli ħafna. B’mod partikolari qiegħda naħseb fir-rappreżentanti tal-istudenti. Għal dan l-aħħar sena u nofs, huma effettivament immaniġġjaw b’mod konġunt l-università. Ninsab grata lejhom tal-perspettivi ġodda illi huma ppreżentaw, għall-għadd kbir ta’ suġġerimenti ta’ ispirazzjoni, għall-kritika tagħhom, li xi kultant tkun ħarxa, iżda ġusta u dejjem kostruttiva.

It-tielet, għalkemm ninsabu lkoll kuntenti li għal darb’oħra nistgħu nirritornaw fuq il-kampus, għandna nagħtu opportunità ġusta, u fuq kollox, l-akbar possibilità għal edukazzjoni bbażata fuq it-tagħlim imħallat – lezzjonijiet fil-klassijiet, online, u oħrajn mhux fuq il-kampus. Għal żmien twil wisq, il-proġett pedagoġiku tagħna kien ibbażat primarjament fuq it-tagħlim ex cathedra. Għandna nipprovdu aktar ħin u spazju għal tagħlim informali u interattiv. It-tagħlim imħallat jista’ jkun ta’ għajnuna biex din it-tranżizzjoni tkun possibbli.  
Anke qabel il-Covid, l-università tiegħi kienet bdiet dan il-moviment lejn forom aktar imħallta ta’ tagħlim. Permezz tal-proġett weKONEKT.brussels, aħna ġibna lill-istudenti f’kuntatt mal-belt, mal-qasam professjonali, u mal-prattikanti. Organizzajna lezzjonijiet f’dak li jista’ jkun il-post tax-xogħol futur tagħhom, billi involvejna lill-prattikanti fl-edukazzjoni, mhux biss l-edukazzjoni saret aktar għanja, iżda l-istudenti ngħataw stampa aktar realistika tas-suq tax-xogħol. 

Issa qed naqsmu dak il-mudell mal-imsieħba tagħna ta’ Eutopia. Fil-fehma tagħna, din hija t-triq ’il quddiem biex niżguraw li l-istudenti tagħna jkunu mgħammra tajjeb għall-futur meta jiggradwaw u jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-isfidi li se jkollhom jiffaċċjaw aktar tard fil-ħajja. 

Caroline Pauwels