Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jingħaqad mal-isforzi tal-UE biex ireġġgħu lura x-xejra inkwetanti ta’ tnaqqis fil-libertajiet tal-media u t-tnaqqis dejjem jiżdied fuq l-indipendenza ġurnalistika kkawżata minn pressjoni dejjem tikber minn diversi strutturi ta’ poter u ta’ negozju, pagi baxxi, konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media u proliferazzjoni ta’ aħbarijiet foloz fuq il-media soċjali u kanali oħrajn.

F’dibattitu mal-kap tal-Uffiċċju ta’ Brussell ta’ Reporters mingħajr Fruntieri, Julie Majerczak, u s-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, Ricardo Gutiérrez, li sar matul is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Settembru, il-KESE esprima tħassib dwar il-mod kif il-ġurnalisti qed jisfaw dejjem aktar fil-mira ta’ attakki verbali u fiżiċi, b’16 li ġew maqtula mill-2015 ’il hawn.

“Fl-Ewropa qed naraw xejriet li ma nistgħux naċċettaw. Il-libertà u d-diversità tal-media huma l-prekundizzjonijiet għal demokrazija li tiffunzjona tajjeb u għalhekk jikkonċernawna lkoll. Il-ġurnaliżmu professjonali qatt ma jista’ jiġi sostitwit minn algoritmi, servizzi għall-ġbir tal-aħbarijiet u networks soċjali,” qalet il-President tal-KESE Christa Schweng.

Il-KESE approva l-aħħar inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea, inkluża r-Rakkomandazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti, ippreżentata l-ġimgħa li għaddiet mill-Kummissarju Věra Jourová. Huwa laqa’ d-diskors tal-President tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni, li fih Ursula von der Leyen ħabbret il-pjani għall-Att dwar il-Libertà tal-Media Ewropea.

Madankollu, fl-Opinjoni dwar Niżguraw il-libertà u d-diversità tal-media fl-Ewropa, adottata fis-sessjoni plenarja, il-KESE appella sabiex il-Kummissjoni tapplika regoli ġenerali ta’ kondizzjonalità u timponi sanzjonijiet baġitarji mingħajr dewmien fuq dawk il-pajjiżi fejn il-libertà tal-media u l-pluraliżmu kienu mhedda serjament.

Ir-relatur tal-Opinjoni, Christian Moos, wissa: “Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti mhux se jkunu biżżejjed. M’hemmx ħin x’nitilfu. L-Istati Membri li joħonqu l-libertà tal-media għandhom jiġu esklużi min-Next Generation EU. Ir-regolament dwar il-kundizzjonalità għandu jiġi applikat. L-Ungerija u l-Polonja qed jeqirdu b’mod attiv jew diġà qerdu l-libertà tal-media. Il-gvernijiet tagħhom għandhom jerġgħu jistabbilixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkella ma jistgħux jibqgħu membri tal-UE, li jiggarantixxi legalment id-demokrazija u l-istat tad-dritt u, bħala prerekwiżit indispensabbli għat-tnejn li huma, il-libertà tal-media.”

Is-Sinjura Majerczak u s-Sur Gutiérrez esprimew l-appoġġ tagħhom għall-Opinjoni tal-KESE u għall-azzjoni tal-UE biex jiġu żgurati l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, iżda enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet u l-pjan propost tal-Kummissjoni ma jibqgħux ittra mejta. (ll)