European Economic
and Social Committee
Dilyana Slavova: Il-COVID-19 għallmitni ma nipposponix il-proġetti ta’ ħajti
L-impatt tal-pandemija wassal biex il-fruntieri fl-Ewropa reġgħu ġew viżibbli, kultant anke fl-istess pajjiż. Wieħed jista’ jaħseb li, b’riżultat ta’ dan, l-ambitu għal kooperazzjoni transnazzjonali fost ir-reġjuni u l-bliet naqas. Iżda fil-fatt, ġara pjuttost il-kuntrarju.
Kif kienet l-esperjenza tiegħek waqt il-lockdown fil-Bulgarija? Għal persuna bħali li tħobb ħajja dinamika u mimlija enerġija fl-arja aperta, kienet diffiċli. Kien hemm ħafna restrizzjonijiet. Kellna nibqgħu d-dar u stajna noħorġu biss waqt il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet essenzjali biex nixtru l-ikel, il-mediċini jew prodotti tad-dar. Distakkar soċjali ta’ >1.5 m kien obbligatorju fil-ħwienet u inti u tistenna biex tidħol. Kienet ikkumplikata ħafna: kull meta kont titlaq mill-belt ta’ Sofia, kellek timla formola li tiddikjara r-raġuni u l-post fejn kont sejjer. Kellek turiha lill-pulizija kull meta jitolbuhielek.
L-aħbar pożittiva hija li l-popolazzjoni saret ħafna iżjed awtosuffiċjenti u r-residenti saru japprezzaw ħafna iktar l-ikel lokali, il-fornituri lokali u ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra. Żdiedet id-domanda għall-ikel mill-irziezet u l-ikel li jinxtara direttament mill-produtturi. Inizjattivi fil-livell lokali qed jippromovu l-ġardinaġġ u l-produzzjoni fuq skala żgħira tal-ħxejjex u l-ħwawar.
Is-swieq fil-miftuħ baqgħu miftuħin għall-pubbliku. Dawn jirrappreżentaw post tradizzjonali għall-bejgħ tal-ikel, żrieragħ, nebbieta veġetali, frott u ħxejjex u fjuri. Li dawn inżammu miftuħin – b’miżuri ta’ sikurezza stretti li kellhom jiġu rispettati – ikkontribwixxa għall-preservazzjoni ta’ sens ta’ normalità u rutina familjari.
Fiż-żoni muntanjużi gruppi ta’ azzjoni lokali wkoll kienu attivi. Sabiex il-produtturi lokali ta’ ikel imkabbar lokalment jiġu appoġġjati aktar matul il-pandemija, bdew jiġbru u jaqsmu kuntatti utli fuq is-siti tal-internet tagħhom.
Fil-fatt, f’konformità mad-diversi restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ta’ kuntatt, fl-organizzazzjoni tiegħi kellna nħassru ħafna mil-laqgħat u l-avvenimenti fiżiċi li ssoltu jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ inizjattivi kooperattivi u t-tixrid tar-riżultati. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet ma waqfux l-attivitajiet tagħna – xejn affattu. Qed inkomplu naħdmu flimkien b’mod effiċjenti biex ir-reġjuni muntanjużi jsiru aktar b’saħħithom u saħansitra aktar reżiljenti. F’xi każijiet, adattajna l-pjani ta’ ħidma tagħna u issa qed niżviluppaw soluzzjonijiet komuni sabiex ngħinu lir-reġjuni u l-bliet vulnerabbli tal-UE jkampaw aħjar fl-emerġenza attwali.
Bdejna “Giving a hand”, pjattaforma sabiex inrawmu s-solidarjetà fiż-żoni rurali. Din tippromovi s-solidarjetà bejn in-nies, u tgħaqqad persuni li jeħtieġu assistenza ma’ voluntiera li huma lesti li “jagħtu id” litteralment. L-attivitajiet attwali tagħha huma ffokati fuq l-għajnuna mogħtija lil persuni vulnerabbli, diżabbli u anzjani, permezz ta’ xiri jew kura fid-dar (mhux kura personali) u permezz tal-arranġament ta’ servizz ta’ babysitting għall-ġenituri li jkollhom jaħdmu u ma jistgħux isibu soluzzjoni oħra għat-tfal tagħhom.
Ħafna inizjattivi oħrajn marru tajjeb fiż-żoni rurali u muntanjużi, u dan huwa evidenza tar-reżiljenza u s-sens qawwi ta’ assistenza reċiproka li huma b’saħħithom fil-komunitajiet tagħna. Li tgħallimt matul dan iż-żmien huwa li ma nipposponix il-proġetti ta’ ħajti! Li tkun attiv isalvak fi żminijiet diffiċli.