L-aħħar inizjattivi tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal jitolbu lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jaħdmu lejn il-ġid komuni tat-tfal kollha li qed jitrabbew fl-UE. Iż-żewġ inizjattivi huma ambizzjużi u kuraġġużi fl-approċċ tagħhom biex jiżguraw ħajja ħielsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni għal kull tifel u tifla u ġew approvati mill-KESE.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) appoġġa l-Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija għat-Tfal tal-UE legalment vinkolanti. Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi se tappoġġja l-isforzi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex jiġi promoss il-benesseri tat-tfal u jitnaqqas il-faqar fost it-tfal.

Fl-Opinjoni dwar Garanzija Ewropea għat-Tfal, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-KESE enfasizza li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, id-diskriminazzjoni, id-deprivazzjoni u l-esklużjoni soċjali tirrikjedi approċċ ikkoordinat fil-livell Ewropew u min-naħa tas-soċjetà kollha, li jiżgura li d-drittijiet tat-tfal jiġu integrati f’politiki differenti u li dawn il-politiki jkollhom effetti abilitanti u dejjiema fuq is-saħħa u l-benesseri tat-tfal.

“Iċ-ċifra ta’ tifel jew tifla minn kull erbat itfal madwar l-UE li qed jitrabbew fir-riskju tal-faqar mhijiex aċċettabbli. Għandna bżonn politiki u oqfsa legali b’saħħithom biex inkissru ċ-ċiklu spiss interġenerazzjonali tal-iżvantaġġ u nreġġgħu lura din ix-xejra. Jeħtieġ li jkollna mira ambizzjuża intiża li toħroġ lit-tfal kollha mill-faqar sal-2030 u mhux biss ħames miljun tifel u tifla, li hija l-mira tal-faqar attwali taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR),” stqarret ir-relatur tal-Opinjoni, Kinga Joó.

It-tfal jeħtieġu attenzjoni mis-saffi kollha tas-soċjetà. Il-konsolidazzjoni tad-drittijiet tagħhom għandha tkun prijorità għall-UE. Għal dan il-għan, neħtieġu strateġija inklużiva, trasversali u intersezzjonali, politika ġenwina bbażata fuq l-ekwità, biex niżguraw opportunitajiet indaqs u inklużjoni għat-tfal kollha, irrispettivament miċ-ċirkostanzi tagħhom,” qalet il-korelatur Maria del Carmen Barrera Chamorro.

Skont id-data tal-Eurostat għall-2019, 18-il miljun tifel u tifla, jew 22,2 %, kienu qed jikbru f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali fl-UE. Il-faqar diġitali u enerġetiku huwa daqstant detrimntali għat-tfal u fil-fehma tal-KESE għandu jiġi indirizzat ukoll fi ħdan il-Garanzija għat-Tfal. Madwar 5,4 % tat-tfal tal-età tal-iskola fl-Ewropa jgħixu f’unitajiet domestiċi li ma jistgħux jaffordjaw kompjuter jew konnessjoni tal-internet. Madwar 25 % taċ-ċittadini Ewropej jgħixu f’unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija u dan jaffettwa wkoll il-kwalità tal-ħajja u tas-saħħa tat-tfal.

Biex it-tfal Ewropej jinħarġu mill-faqar, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jallokaw tal-anqas 5 % tal-fondi tal-FSE+ għal dan il-għan. Skont ir-regolament il-ġdid, huma biss dawk l-Istati Membri li fihom il-faqar fost it-tfal jaqbeż il-medja tal-UE ta’ 23,4 % li huma meħtieġa jallokaw dan il-perċentwal tar-riżorsi finanzjarji tal-FSE + tagħhom biex jiġġielduh. S’issa, 11-il pajjiż biss għamlu dan. (ll)