European Economic
and Social Committee
L-akkwist pubbliku ċirkolari għandu jkun obbligatorju għall-gvernijiet fil-pajjiżi tal-UE
B’nefqa annwali li tammonta għal madwar 14 % (jew EUR 2 triljun) tal-PDG kumplessiv tal-UE, il-gvernijiet huma l-akbar konsumaturi tal-Ewropa. In-nefqa tagħhom ġejja prinċipalment minn offerti pubbliċi biex jixtru x-xogħlijiet, is-servizzi u l-provvisti li jeħtieġu mill-kumpaniji.
Saret ħidma konsiderevoli fl-UE f’dawn l-aħħar snin biex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu mħeġġa jadottaw xejriet ta’ konsum aktar sostenibbli, u jħarsu lil hinn mill-ħtiġijiet tagħhom fuq medda qasira ta’ żmien u jqisu l-impatti fit-tul ta’ kull akkwist.
Mill-2017 ’l hawn il-Kummissjoni Ewropea ħarġet gwida fil-forma ta’ kriterji dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku, fejn introduċiet b’mod gradwali elementi tal-ekonomija ċirkolari sabiex jingħalqu l-loops tal-enerġija u l-materjali fil-ktajjen tal-provvista, filwaqt li jiġu minimizzati l-impatti negattivi ambjentali u l-ħolqien tal-iskart.
Madankollu, dawn il-miżuri kellhom impatt limitat peress li wieħed ikun konformi magħhom huwa volontarju. Il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li jiġu introdotti kriterji minimi obbligatorji għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u li l-ekonomija ċirkolari tingħata spinta qawwija permezz tad-direttivi dwar l-akkwist u leġiżlazzjoni speċifika għas-settur.
L-akkwist pubbliku ċirkolari għandu jippermetti lill-amministrazzjonijiet jimxu lil hinn mill-kriterju tal-prezz l-iktar baxx fil-ħin tal-akkwist.
“L-akkwist sikwit huwa kontroversjali għaliex il-kriterji tal-għażla għal proġetti ħafna drabi jixxaqilbu lejn naħa waħda, mingħajr kunsiderazzjoni għall-impatt taċ-ċiklu tal-ħjja jew il-kisbiet ta’ proġett,” qal is-Sur Wyckmans. “L-idea li l-prezz l-iktar baxx għandu jkun l-uniku kriterju ta’ allokazzjoni għandha titqiegħed fil-ġenb u minflok jiġi favorit il-”valur għall-flus”, li jinkludi l-innovazzjoni, il-kwalità ta’ prodotti u servizzi, is-sostenibbiltà, l-ekoloġizzazzjoni u l-impatt soċjali.”
Il-Kummissjoni Ewropea diġà żviluppat għadd ta’ mudelli għall-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja (LCC) li huma disponibbli b’xejn lix-xerrejja biex jiċċekkjaw skont il-prodotti u s-servizzi. Dawn l-għodod jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, ix-xogħol jew is-servizz, mix-xiri sal-operat u l-manutenzjoni sa tmiem il-ħajja. Dawn issa jridu jiġu aġġornati, qal il-KESE, biex jinkludi l-prezz tal-karbonju.
Il-KESE jemmen ukoll li huwa vitali li jiġi żgurat li l-SMEs ikollhom l-opportunità jagħmlu offerta għal kuntratti ċirkolari pubbliċi u jingħataw l-għajnuna li jeħtieġu. Dawn joffru potenzjal enormi iżda huma fil-periklu li jitwarrbu minħabba l-kumplessità tal-proċedura. Huwa biss jekk jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal offerti lokali u orjentati lejn il-bniedem. (dm)