Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-titjib tal-protezzjoni ambjentali permezz tad-dritt kriminali, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu, il-KESE ssuġġerixxa li l-UE għandha timponi sanzjonijet kriminali għall-akbar numru possibbli ta’ reati ambjentali.

Ir-rapport analizza d-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali l-ġdida u ta suġġerimenti dwar metodi prattiċi biex din issir tassew effettiva, proporzjonata u dissważiva.

Il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-lista ta’ reati kriminali ambjentali minn disgħa għal tmintax, iżda jemmen li d-direttiva għandha tkopri l-akbar għadd possibbli ta’ reati ambjentali. Huwa wkoll tal-opinjoni li, biex ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, il-limiti massimi għas-sanzjonijiet għandhom ikunu ogħla sostanzjalment.

Proposta oħra li hemm fir-rapport hija biex ir-reati ambjentali jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, peress li ħafna minnhom huwa magħruf li għandhom konnessjonijiet mal-kriminalità organizzata.

Il-KESE qed jitlob ukoll li r-reat ta’ ekoċidju jiġi minqux fid-direttiva, u jiġi ddefinit bħala “atti illegali jew malizzjużi mwettqa fl-għarfien sħiħ li hemm probabbiltà sostanzjali li dawn l-atti jagħmlu ħsara serja u mifruxa jew fit-tul lill-ambjent”. Il-KESE jinnota li l-kunflitti armati huma prattikament dejjem, min-natura tagħhom stess, ekoċidji. 

Il-kriminalità ambjentali hija r-raba’ kategorija ta’ kriminalità li tħalli l-aktar qligħ globalment u qed tiżdied fl-UE. Filwaqt li l-għadd ta’ sentenzi transfruntiera ma żdidux b’mod sostanzjali, ir-rata ta’ reati ambjentali mwettqa fl-Ewropa kibret.
Madankollu, il-KESE jisħaq li r-riformulazzjoni tad-direttiva mhix biżżejjed. Waħda mid-dgħufijiet indikati fil-valutazzjonijiet tad-direttiva attwali hija l-implimentazzjoni fl-Istati Membri. Il-KESE għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-katina tal-infurzar u jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE għandhom jistabbilixxu forzi tal-pulizija speċjalizzati, prosekuturi, imħallfin u qrati fil-qasam tar-reati ambjentali.

Id-Direttiva tal-2008 dwar il-Kriminalità Ambjentali hija l-istrument vinkolanti prinċipali fis-seħħ fl-UE biex tindirizza r-reati kriminali. Evalwazzjoni mwettqa fl-2019 u fl-2020 turi li din ma kellhiex wisq effett fil-prattika. Matul l-aħħar għaxar snin, l-għadd ta’ każijiet ta’ kriminalità ambjentali investigati u kkundannati b’suċċess baqa’ baxx, is-sanzjonijiet imposti ma kinux dissważivi biżżejjed, u ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni transfruntiera sistematika. Wara l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibdilha b’Direttiva ġdida tal-UE. (mr)