European Economic
and Social Committee
Pagi minimi adegwati huma komponent ewlieni tal-koeżjoni soċjali
Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE
Pagi minimi adegwati huma komponent ewlieni tal-koeżjoni soċjali u tal-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza fost dawk li jaħdmu. Madankollu, ħafna fl-Ewropa jaħdmu taħt kundizzjonijiet ħorox ħafna, b’mod partikolari ħaddiema prekarji. U filwaqt li f’xi pajjiżi n-negozjar kollettiv huwa b’saħħtu biżżejjed biex jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, dan mhuwiex il-każ kullimkien.
L-assenza ta’ protezzjoni soċjali ġġib magħha konsegwenzi gravi, partikolarment meta jiżdiedu problemi oħrajn, kif inhu l-każ bħalissa bil-kriżi tas-saħħa u soċjali brutali li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.
F'dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.għal direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tiżgura li ħadd fl-Ewropa ma jaħdem mingħajr paga deċenti li tiggarantixxi l-għajxien, u li n-negozjar kollettiv jissaħħaħ u jiġi estiż, filwaqt li jiġu rispettati t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-djalogu soċjali. Permezz ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali, maqbula fi proċess tripartitiku mal-imsieħba soċjali, konverġenza ’l fuq tal-pagi tista’ tintlaħaq filwaqt li tiġi miġġielda kull tip ta’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ pagi, kif ukoll il-faqar fost dawk li jaħdmu.
Fid-dawl tal-urġenza tal-proposta, b’mod partikolari minħabba d-diffikultajiet ikkawżati mill-COVID-19, ir-relatur Cinzia del Rio kkummentat: “Il-ħaddiema kollha għandhom jirċievu paga minima ġusta u adegwata, jew stabbilita bil-liġi jew b’negozjar kollettiv, biex jippermettu ħajja deċenti u aċċess għall-protezzjoni soċjali. Id-dumping soċjali u tal-pagi, inugwaljanzi profondi fejn jidħlu pagi, żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu, li jaffettwa l-iżjed liż-żgħażagħ, in-nisa u gruppi żvantaġġati, iridu jiġu indirizzati b’impenn Ewropew qawwi”.
L-Opinjoni tal-KESE dwar id-direttiva proposta, adottata fil-25 ta’ Marzu 2021 mill-plenarja tal-KESE, tirrikonoxxi l-urġenza u l-ħtieġa għal tali sett ta’ miżuri, l-adegwatezza ta’ direttiva u r-raġunijiet legali warajha (appoġġjat ukoll mill-valutazzjoni legali tal-Kunsill tal-UE), u l-klawżoli li jiżguraw ir-rispett għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali. (prp)