Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-Komunikazzjoni dwar is-self improduttiv, iżda huwa tal-fehma li huwa nieqes minn proposti ġodda adatti għaż-żminijiet tal-COVID-19, li jħalli lill-Ewropa tiffaċċja żmien straordinarju b’regoli miktuba għal żminijiet ordinarji.

F’Opinjoni adottata mill-assemblea plenarja fil-25 ta’ Marzu, il-KESE analizza l-istrateġija għat-trattament ta’ self improduttiv. Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet it-tħassib ewlieni tagħha dwar setturi speċifiċi tal-ekonomija, bħall-banek, ix-xerrejja tal-kreditu, is-servizzjanti tal-kreditu. Madankollu, il-KESE ddeskriva l-perspettiva tas-soċjetà usa’ Ewropea.

"Il-KESE għandu għal qalbu l-istabbiltà tas-settur bankajru", qal ir-relatur tal-Opinjoni, Kęstutis Kupšys. “Iżda għandna għal qalbna wkoll in-negozji li huma midjuna u li ma jistgħux jibqgħu jħallsu d-djun tagħhom, kif ukoll negozji vijabbli li jistgħu jeħtieġu flus addizzjonali mill-banek. Kellna wkoll ċittadini vulnerabbli f’moħħna, dawk li huma midjuna u li waslu biex isiru vittmi ta’ “fondi opportunistiċi”. Fl-aħħar nett, kellna f’moħħna l-kontribwenti kollha: meta, jew aħjar, jekk il-fondi pubbliċi huma allokati biex jinxtraw portafolli ta’ self improduttiv, huma dawk li jħallsu biex isalvaw il-banek minn djun irrekuperabbli”.

Il-KESE jirrakkomanda li qabel kollox jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tas-self improduttiv sabiex jiġi evitat li jakkumula fil-futur. L-aħjar mod huwa li jiġi żgurat li l-kompetittività titjieb b’mod kostanti, b’enfasi fuq il-kontinwità tan-negozju u l-irkupru ekonomiku, filwaqt li jitkompla l-iżvilupp ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali solidi, jiġi miġġieled il-faqar, id-dejn eċċessiv u l-qgħad, u jiġu ggarantiti pagi adegwati u implimentati miżuri kontroċikliċi tal-politika ekonomika fi żminijiet ta’ kriżi.

Fid-dawl tal-impatt tal-coronavirus fuq l-ekonomija tal-UE, il-volum ta’ self improduttiv huwa mistenni li jiżdied madwar l-UE. Sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi, il-KESE jappella sabiex il-miżuri ta’ salvataġġ għall-għajnuna lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimxu id f’id ma’ miżuri ta’ għajnuna tal-gvern għal mutwatarji li minħabba l-pandemija spiċċaw f’diffikultà.

Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi aktar żvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f'diffikultà, il-KESE jemmen li l-ħtieġa għal suq tas-self improduttiv pan-UE u transfruntier hija esaġerata. Huwa perikoluż li jiġi pprovdut “passaport” operattiv fl-UE kollha għall-kolletturi tad-dejn mingħajr superviżjoni xierqa kemm mill-pajjiżi “ta’ oriġini” kif ukoll minn dawk “ospitanti”. Dan l-approċċ jista’ biss jiġi ġustifikat jekk ikun hemm sett ta’ miżuri ta’ kontrobilanċ li jgħinu biex jiġu mħarsa mutwatarji li jinsabu f’diffikultà: standard ta’ protezzjoni tal-konsumatur madwar l-UE kollha għall-kolletturi tad-dejn.

Barra minn hekk, hemm dubji serji dwar jekk l-operazzjonijiet transfruntiera tax-xerrejja tal-kreditu jipprovdux benefiċċji ekonomiċi tanġibbli għas-sistema ekonomika b’mod ġenerali, u mhux biss għall-banek, ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu.

Fejn jidħol il-bejgħ ta’ self improduttiv lil kumpaniji li jiġġestixxu l-assi (magħrufa fil-lingwaġġ komuni bħala “banek tal-assi ħżiena”), il-KESE jemmen li din għandha tibqa’ l-eċċezzjoni. Trid tingħata preferenza lil ftehimiet bilaterali ta’ ristrutturazzjoni bejn l-istituzzjoni tal-kreditu u l-mutwatarju, b’enfasi fuq il-kontinwità tan-negozju u l-irkupru ekonomiku.

Skont Kęstutis Kupšys, id-dokument tal-Kummissjoni Ewropea tittratta biss b’mod limitat, f’termini teknokratiċi, kwistjoni li taffettwa lil ħafna sezzjonijiet tas-soċjetà “fil-lokal tagħhom”. “Il-messaġġ li rridu nwasslu huwa li l-kwistjoni tas-self improduttiv m’għandhiex tiġi magħquda ma’ kwistjonijiet relatati mal-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja”, huwa kkummenta. “Kollox ma’ kollox, naraw li l-mod xieraq biex nittrattaw is-self improduttiv huwa fi ħdan il-banek, mhux billi nqiegħduhom fis-suq meta s-self isir dubjuż. Id-djun m’għandhomx isiru komodità!” (na)