Il-KESE laqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea għal-libertà tal-media, iżda wissa li sempliċi rakkomandazzjonijiet u approċċ ta’ liġi mhux vinkolanti mhumiex biżżejjed biex jiżguraw li l-media fl-Ewropa tibqa’ ħielsa u indipendenti mill-interferenzi politiċi, kummerċjali u oħrajn.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (Proposta għal Regolament u Rakkomandazzjoni), il-KESE enfasizza li l-libertà u d-diversità tal-media huma fundamentali għall-istat tad-dritt u d-demokrazija liberali.

“Il-libertà tal-media tinsab fil-periklu. L-awtoritarjaniżmu qed jiżdied, anke fl-Ewropa. Ir-“raba’ poter” huwa l-ewwel difiża kontra dan l-attakk fuq il-libertà. Għaldaqstant, it-tisħiħ tal-libertà tal-media huwa essenzjali u l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media huwa inizjattiva importanti u f’waqtha sew,” qal ir-relatur tal-Opinjoni, Christian Moos.

“Qed nosservaw dejjem aktar interferenza politika u ekonomika f’diversi pajjiżi tal-UE, kemm fil-media pubblika kif ukoll privata, b’rabtiet mill-qrib ma’ dawk fil-poter, li huwa inkompatibbli mar-rwol tal-media bħala r-“raba’ poter”,” qal il-korelatur Tomasz Andrzej Wróblewski.

Il-KESE appoġġja bis-sħiħ il-proposti li jsaħħu u jiddefendu l-indipendenza editorjali tal-ġurnalisti u l-pubblikaturi. Enfasizza b’mod partikolari wkoll l-indipendenza u l-imparzjalità tal-media pubblika, u qal li jinħtieġu riżorsi finanzjarji adegwati u stabbli biex dan jinkiseb.

Problema allarmanti oħra identifikata fl-Opinjoni tikkonċerna t-theddida għall-pluraliżmu tal-media minħabba l-konċentrazzjoni tas-suq. Il-monopolji tal-informazzjoni ċertament jikkostitwixxu theddida u jeħtieġ li tittieħed azzjoni kontra l-ħtif tal-media minn persunaġġi tal-media u oligarki.

Is-sjieda tal-media għandha tkun trasparenti u r-rekwiżiti tat-trasparenza għandhom ikunu vinkolanti, għalkemm dan m’għandux iwassal għal piż amministrattiv eċċessiv għall-istabbilimenti żgħar tal-media. In-nuqqas ta’ indipendenza ta’ xi korpi regolatorji nazzjonali huwa inkwetanti wkoll. Jekk ma jkunux għalkollox indipendenti, dawn m’għandhomx jipparteċipaw fil-Bord Ewropew propost għas-Servizzi tal-Media.

Il-KESE enfasizza li, bħala regolament, l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media se jkollu effett dirett. Fl-istess ħin, staqsa jekk l-approċċ ta’ liġi mhux vinkolanti applikat fir-Rakkomandazzjoni huwiex mod effettiv biex jinkisbu l-objettivi tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media.

“Sempliċi rakkomandazzjonijiet mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu l-libertà u d-diversità tal-media fl-Istati Membri. Il-media ħielsa u indipendenti trid tkun kriterju vinkolanti għar-rapport dwar l-istat tad-dritt u għall-iskattar tal-mekkaniżmu fl-Istati Membri fejn il-gvernijiet jiksru l-libertajiet u l-indipendenza tal-media”, ikkonkluda s-Sur Moos. (ll)