KESE Info: Jaroslaw Pietras, x’taħseb dwar is-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-enerġija tal-UE, u x’inhi l-prospettiva għall-futur?
Jaroslaw Pietras: Il-limitu massimu tal-prezz tal-gass, li ġie maqbul mill-Ministri għall-enerġija tal-UE huwa ferm ’il fuq mill-prezzijiet attwali. Il-ftuħ tas-swieq tal-enerġija fl-ewwel jiem tal-2023 la kien sorprendenti u lanqas drammatiku. Il-prezzijiet tal-gass u taż-żejt qed ikomplu jonqsu, iżda b’pass aktar kajman. Il-livell tal-prezzijiet attwali huwa komparabbli ma’ dak osservat eżatt qabel l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Il-konsum tal-gass fl-UE naqas b’aktar minn 20%, mingħajr ebda impatt kritiku fuq il-produzzjoni jew il-ħtiġijiet tat-tisħin. Naturalment, il-konsumaturi f’kull Stat Membru kellhom jaffaċċjaw spejjeż għoljin tal-enerġija, iżda fl-istess ħin, ma kinux esposti għal temp kiesaħ ħafna. Il-provvista tal-gass lill-unitajiet domestiċi ma kinitx interrotta. Fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida, il-ħażniet tal-gass Ewropej huma mimlija b’aktar minn 80 %, li huwa riżultat tajjeb ħafna meta mqabbel mal-medja tal-ħames xtiewi preċedenti.
Il-pajjiżi Ewropej ma baqgħux jirrikorru għand ir-Russja għall-provvisti tal-gass tagħhom, li issa ġejjin l-aktar minn sorsi oħra. Dan jinkludi l-importazzjonijiet tal-LNG, li fl-2022 kienu 58% ogħla mill-2021. Fis-7 ta’ Jannar 2023, il-Financial Times osservat li l-importazzjoni tal-LNG tal-UE tas-sena l-oħra kienet ekwivalenti għal 137 biljun metru kubu ta’ gass naturali, volum li huwa qrib il-madwar 140 biljun metru kubu ta’ gass mill-pipeline li l-UE rċeviet mir-Russja fl-2021. Dan ifisser li l-UE naqqset b’mod sinifikanti d-dipendenza tagħha mill-provvisti tal-enerġija Russi.
Għalkemm dawn huma aħbarijiet pożittivi, il-kriżi tal-enerġija għadha ma spiċċatx. Ix-xejriet imsemmija hawn fuq ma kinux ikunu possibbli li kieku l-kundizzjonijiet tat-temp fl-Ewropa kienu kiefra u t-temperaturi baxxi jħeġġu użu akbar tat-tisħin. Barra minn hekk, xi proċessi industrijali li jużaw ħafna enerġija ma ġewx restawrati kompletament. Il-politika stretta taċ-Ċina kontra l-COVID-19 tillimita t-tkabbir u d-domanda għall-enerġija, u għaldaqstant, naqqset id-domanda globali għall-enerġija. Dawn iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tal-Ewropa u jistgħu ma jerġgħux ikunu l-istess. Dan ifisser li s-swieq tal-enerġija fl-UE għadhom taħt theddida u, skont kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni, nistgħu naffaċċjaw żminijiet diffiċli.
Mhux l-Istati Membri kollha kienu affettwati bl-istess mod bil-prezzijiet ferm għoljin tal-gass. Madankollu, peress li s-suq intern tal-UE diġà huwa pjuttost interkonness, ix-xokkijiet fil-prezzijiet affettwaw kull forma ta’ enerġija u lil kulħadd. Anke qabel l-invażjoni, ir-Russja kienet influwenti fuq il-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa. Dak iż-żmien, it-tentattivi biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-provvisti Russi ġew ikkontestati b’mod vigoruż. It-terremot seħħ wara interruzzjonijiet intenzjonati fil-flussi tal-gass mir-Russja. Il-prezz tal-gass laħaq l-ogħla livell ta’ aktar minn EUR 350 għal kull megawatt siegħa fis-suq spot f’nofs is-sajf tal-2022. Prezz daqstant għoli jissarraf immedjatament fil-kostijiet ta’ sorsi oħra ta’ enerġija, b’mod partikolari l-elettriku, li jaffettwa miljuni ta’ konsumaturi.
Dak iż-żmien, l-Istati Membri tal-UE għamlu sforzi kbar biex jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tagħhom għal-livell meħtieġ mill-UE. Dan kien ukoll mument meta l-prezzijiet tal-gass kienu sa seba’ darbiet ogħla minn qabel il-gwerra. Spiża bħal din hija insostenibbli fuq medda twila ta’ żmien, u huwa għalhekk li l-Ministri għall-enerġija tal-UE ddiskutew miżuri biex jillimitaw iż-żieda bla kontroll fil-prezzijiet tal-enerġija lil hinn minn livelli sostenibbli. L-Ewropa u l-Istati Membri tagħha aġixxew b’mod għaqli u ħadu għadd ta’ passi biex jistabilizzaw is-swieq tal-enerġija; b’mod partikolari huma kienu qed jipprevedu limiti massimi fuq il-prezzijiet, l-ippuljar tax-xiri, jimponu obbligu ta’ ħżin, u provvisti ta’ solidarjetà, fost oħrajn.
Peress li l-prospetti għall-bqija tal-istaġun tat-tisħin ma jidhrux daqstant drammatiċi, l-UE għandha tibda minn issa taħseb dwar ix-xitwa li ġejja u l-kapaċità tagħha li taffaċċja diffikultajiet possibbli fil-futur. L-importazzjoni tal-gass teħtieġ infrastruttura fiżika li ma tistax tinbidel mil-lum għall-għada. L-Ewropa hija konnessa biss permezz ta’ pipelines ma’ għadd ta’ esportaturi, u t-tibdil tas-sorsi ta’ provvista jfisser terminals ġodda. Dan jieħu ż-żmien, madankollu, jeħtieġ li jsir fi żmien qasir bl-użu ta’ terminals li jżommu f’wiċċ l-ilma bħal ma hemm fil-port Ġermaniż ta’ Wilhelmshaven.
Għaldaqstant, il-prospetti ta’ problema akuta ta’ gass huma baxxi ħafna. Provvisti alternattivi tal-gass qed jinxtraw b’mod wiesa’, qed jiġu installati sorsi ġodda ta’ enerġija rinnovabbli b’pass mgħaġġel, l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija qed jiġu implimentati b’mod serju. Dan kollu jnaqqas il-volatilità tal-provvista tal-enerġija u b’hekk inaqqas il-kost tal-gass. Dan jippermetti d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u jevita t-tfixkil ikkawżat minn sospensjoni f’daqqa tal-provvisti minn sors wieħed.
Madankollu, is-swieq tal-enerġija jibqgħu vulnerabbli ħafna għal xokkijiet fil-provvista. F’każ bħal dan, il-prezz tal-gass jista’ jiżdied b’mod sinifikanti biex jibbilanċja d-domanda ma’ provvista limitata. Għalhekk, il-Ministri għall-enerġija kellhom raġun jiddiskutu u jaqblu dwar limitu massimu fuq il-prezzijiet tal-gass, anke fil-livell relattivament għoli ta’ EUR 180 għal kull megawatt siegħa u abbażi tas-suq spot tal-gass TTF l-aktar volatili. Dan huwa bħal valv tas-sikurezza li huwa meħtieġ f’sitwazzjonijiet estremi, iżda dejjem aħjar jekk ma jintużax.