European Economic
and Social Committee
Insibu l-enerġija flimkien biex nilħqu l-ottimiżmu u t-tama
L-ewwel nett, nixtieq nesprimi n-niket tiegħi għall-mewt mhux mistennija tal-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli. U nfakkar b’mod partikolari fir-riflessjoni li huwa kkondivida f’Mejju 2020, li l-pandemija wrietna li l-Unjoni Ewropea għandha “riżorsa kbira”: Is-soċjetà ċivili tagħha. Se nħossu n-nuqqas kbir tiegħu.
Għaddew sentejn minn meta smajna bil-COVID-19 għall-ewwel darba. Wara dawk ir-rapporti bikrin dwar virus li kellu l-potenzjal isir pandemija globali, ninsab ċert li ma konniex qed nistennew li kien se jibqa’ jinkwetana anke fl-2022.
Nilqgħu s-sena l-ġdida u nerġgħu nippruvaw insibu l-enerġija biex insibu l-ottimiżmu u t-tama.
Il-motto tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-EU huwa adatt: rilanċ, qawwa u appartenenza. Filwaqt li ddeskriva t-tliet assi tal-Presidenza, il-President Macron ippreżenta l-ħsibijiet tiegħu dwar Ewropa aktar sovrana, mudell Ewropew ta’ tkabbir u Ewropa Umanista.
Huwa minnu li qed nistennew bil-ħerqa li nimxu lil hinn mill-kwistjonijiet tal-pandemija, iżda l-isfidi li għandna quddiema huma kollha sinifikanti u se jkollna niffaċċjawhom irrispettivament x’direzzjoni tieħu l-COVID-19.
Se jkun hemm fokus ġdid fuq id-difiża Ewropea hekk kif it-tensjonijiet madwar id-dinja, dawk fil-qrib u dawk imbiegħda, se jpoġġu dawn il-kwistjonijiet fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
Il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjonijiet se jkunu essenzjali, kif rifless fil-Konferenza tal-Balkani tal-Punent skedata għal Ġunju.
Ix-xahar li ġej, flimkien mal-Presidenti Charles Michel u Ursula von der Leyen, Franza se torganizza summit li se jlaqqa’ flimkien il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana. L-objettiv ta’ dan is-summit huwa li jerġa’ jinbena Patt Ġdid ekonomiku u finanzjarju mal-Afrika. Il-Presidenza Franċiża tixtieq timplimenta aġenda fil-qasam tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-klima li tkun ugwali għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Afrika.
Din is-sena diġà tħabbret bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, u t-tmexxija murija miż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet klimatiċi tat prova tas-setgħa ta’ grupp kollettiv involut tas-soċjetà. Il-moviment taż-żgħażagħ imbotta l-aġenda ekoloġika ’l fuq fil-lista tal-prijoritajiet politiċi. Din is-sena, firxa ta’ proposti leġiżlattivi se jistabbilixxu d-dettalji diffiċli ta’ kif nistgħu niksbu n-newtralità karbonika sal-2050. Din se tkun ta’ sfida u ta’ tfixkil iżda hija wkoll l-unika għażla li fadlilna wara snin ta’ dewmien biex tittieħed azzjoni dwar il-klima u l-emissjonijiet. Neħtieġu azzjoni urġenti, u t-tfixkil irid jiġi aċċettat iżda wkoll ġestit, biex tiġi żgurata l-ġustizzja tal-impatt u jkun hemm fis-seħħ l-appoġġ ġust biex jiġu mħarsa dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Din il-filosofija saret parti mill-ispirtu ġenerali tal-ħajja matul pandemija globali li tirrappreżenta theddida akbar għall-ħajja ta’ ċerti gruppi vulnerabbli.
Fl-aħħar nett, naturalment se jkollna l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Fil-KESE involvejna ruħna, organizzajna avvenimenti u konsultazzjonijiet, u stinkajna biex niżguraw li nwasslu l-vuċijiet taċ-ċittadini u l-komunitajiet fl-Ewropa kollha. Huwa vitali li l-UE ssib il-mod personali tagħha u tagħmel kuntatt ma’ dawn l-ilħna kollha. Wieħed għad irid jara jekk il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hux se twettaq dan, iżda l-KESE se jkompli jkun punt ta’ kuntatt għaċ-ċittadini, filwaqt li jiżgura li l-perspettivi kollha jingħataw widen fid-dibattiti dwar it-tiswir tal-ġejjieni tagħna flimkien.
Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE