Grupp ta’ Studju Tematiku dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali

This page is also available in

L-għan tal-Grupp ta’ Studju Tematiku dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali huwa li jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej rilevanti biex jiggarantixxu d-dritt ta’ aċċess għal servizzi ta’ kwalità tajba fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali, u li jiżgura li dan id-dritt ikun appoġġjat minn dispożizzjonijiet regolatorji u legali li jiddefinixxuh u jiddeterminaw kif jiġi applikat f’kull qasam. Is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali huma komponent ewlieni tas-sistemi ekonomiċi, soċjali u legali Ewropej u  huma pilastru importanti tal-mudell soċjali Ewropew u tal-ekonomija soċjali tas-suq.

Is-settur pubbliku għandu responsabbiltà politika u finanzjarja ċara li jikkoordina l-forniment tas-servizzi ta’ interess ġenerali. Mhuwiex xieraq li din ir-responsabbiltà titħalla biss f’idejn il-forzi tas-suq. L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u b’mod partikolari l-intrapriżi soċjali wrew il-kapaċitajiet tagħhom fil-provvediment ta’ servizzi eċċellenti ta’ interess ġenerali.

Kien proċess twil u kumpless li tiġi żgurata interazzjoni pożittiva bejn is-suq kbir Ewropew u l-imperattivi tal-moviment liberu, il-kompetizzjoni libera, l-effiċjenza, il-kompetittività u d-dinamiżmu ekonomiku minn naħa, u l-objettivi tal-interess ġenerali min-naħa l-oħra. Kien hemm ħafna suċċessi f’dan ir-rigward, iżda għad hemm problemi li jridu jiġu solvuti, kif jixhed il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Din il-komunità ta’ valuri toffri firxa ta’ approċċi għall-organizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali skont il-pajjiż, ir-reġjun u s-settur. Tali varjetà ta’ sitwazzjonijiet tippreżenta sfida għall-integrazzjoni Ewropea. Madankollu, iktar milli hija ostaklu li ma jistax jingħeleb, din hija opportunità biex jinħoloq qafas li jaqdi l-interess ġenerali f’kuntest ekonomiku u soċjali li jinbidel kontinwament, billi jiġi stabbilit għadd ta’ prinċipji applikabbli għas-servizzi kollha ta’ interess ġenerali.