Sébastien Maillard: għidtu “appartenenza”?

“Appartenenza” hija l-aħħar mit-tliet kelmiet ewlenin użati biex titħabbar il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE, iżda hija l-aktar waħda li qed toħloq perplessità. Dwar xiex qed nitkellmu hawnhekk? Fi ftit kliem, qed nitkellmu dwar xi ħaġa speċjali li ġġiegħlek tħossok Ewropew, sens ta’ appartenenza għal dan il-kontinent. Il-partijiet ta’ Franza li tant ibbenefikaw minn sussidji “minn Brussell” mhumiex neċessarjament l-akbar sostenituri tal-Ewropa. Iżda dan is-sentiment, li huwa kemm individwali kif ukoll kollettiv, jeħtieġ li jiġi stimulat, imsaħħaħ u jitħalla jimmatura.

Kif jista’ jsir dan? L-appartenenza għall-Ewropa tista’ tinftiehem bi tliet modi. L-aktar tifsira ovvja, iżda li ħafna drabi ninsew, hija appartenenza fis-sens ta’ – ejjew ikollna l-kuraġġ li ngħiduha – ċivilizzazzjoni. Forsi dan huwa sentiment li esperjenzajtu dan is-sajf jekk irnexxilkom tivvjaġġaw. Fit-toroq ta’ Ruma, Praga, Lisbona jew Ateni, fi pjazez lokali, fil-katidrali, madwar kafetteriji jew teatri tal-opra: din l-atmosfera ta’ familja, li tmur ’il hinn mis-sempliċi diversità ta’ stili u lingwi. Dawn it-traċċi ta’ memorja kollettiva li toħroġ ’il barra mill-fruntieri nazzjonali tagħha u tingħaqad ma tagħna. Mingħajr ma nxejnu, namalgamaw jew nistandardizzaw imqar waħda mill-karatteristiċi tagħna, u mingħajr ma ntellfu xejn mir-rabtiet nazzjonali u/jew reġjonali, li jiżviluppaw bil-mod tagħhom. Li nkunu Ewropej ifisser sempliċiment li ma nħossuniex eżiljati meta nżuru dawn il-bliet – fi kwalunkwe każ, inqas milli f’kontinenti oħrajn. Din hija r-raġuni għaliex jeħtieġ li l-edukazzjoni skolastika tintegra d-dimensjoni Ewropea.

Iżda l-appartenenza hija wkoll kwistjoni ta’ ċittadinanza: li nirrikonoxxu lilna nfusna bħala tabilħaqq ċittadini Ewropew, u mhux biss matul l-elezzjonijiet Ewropej. Dan ifisser li għandna nkunu kapaċi nirrikonoxxu l-leġittimità demokratika ta’ direttiva Ewropea li ġiet ivvutata u li ma narawhiex bħala “diktat impost minn Brussell”, biex nużaw l-euro bħala l-munita tagħna stess u mhux narawha bħala xi ħaġa barranija. B’mod aktar ġenerali, din hija kwistjoni ta’ rikonoxximent ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea u mhux biss għall-Istat Membru tagħha. Fil-prattika, din il-forma ta’ appartenenza hija bbażata l-ewwel u qabel kollox fuq kif aħna niġu infurmati mill-midja dwar l-affarijiet Ewropej. Il-Kummissarji Ewropej, l-MEPs – u l-membri tal-KESE – għandhom post fl-isfera politika tagħna jew huma ineżistenti?

Fl-aħħar nett, it-tielet mod ta’ appartenenza għall-Ewropa huwa li nħossu li d-destin tagħna huwa marbut ma’ dak tal-ġirien tagħna, filwaqt li nżommu l-istess viżjoni tal-ġejjieni u nikkondividu l-istess ideali. Hawnhekk it-terminu “insawru l-Ewropa” huwa partikolarment rilevanti. Il-bini tal-Ewropa, b’mod ġenerali, ifisser li dan isir b’ambizzjoni kbira: oriġinarjament kien dwar il-kisba tal-paċi u l-għaqda; illum dan ifisser li nasserixxu lilna nfusna fil-konfront tal-bqija tad-dinja, niġġieldu t-tisħin globali u li nippreservaw id-demokrazija quddiem l-awtoritarjaniżmu. Fil-qosor: inħossuna Ewropej mhux biss billi nosservaw il-ħaġar storiku jew nirrispettaw l-istess regoli, iżda wkoll billi naderixxu mal-istess valuri u nikkondividu l-istess interessi ġeopolitiċi.

Ħafna drabi, dawn it-tliet approċċi ta’ appartenenza jitqiesu b’mod iżolat minn xulxin. L-ewwel wieħed jiffoka fuq il-passat, it-tieni fuq il-preżent u t-tielet fuq il-ġejjieni. L-ewwel wieħed jitkellem mal-istoriċi u l-artisti, it-tieni mal-ekonomisti u mal-avukati, it-tielet mal-filosfi u mal-istrateġisti. L-isfida biex tinkiseb l-appartenenza b’suċċess hija li tikkombina dawn it-tliet approċċi, u mhux li tikkuntrastahom ma’ xulxin. Jew, pjuttost, li nidentifikaw l-interkonnettività profonda tagħhom. Ma konniex inkunu qed “insawru l-Ewropa” kieku l-Ewropa ma kinitx teżisti diġà bħala ċivilizzazzjoni u ma kellhiex l-UE bħala l-mezz biex turi l-preżenza tagħha fid-dinja. Il-konnessjoni ta’ dawn it-tliet dimensjonijiet u l-allinjament tagħhom ma’ xulxin hija l-isfida tal-kisba tas-sħubija Ewropea. Dan se jeħtieġ ferm aktar minn presidenza b’rotazzjoni.

Sébastien Maillard

Direttur tal-Istitut Jacques Delors, Pariġi