Nicolas Gros-Verheyde: Ir-riskju li l-Ewropa ssir mhux demokratika minħabba l-pandemija tal-COVID-19

Il-miżuri li ttieħdu minn bosta pajjiżi Ewropej għal raġunijiet ta' Saħħa jista' jkollhom vittma kollaterali: l-istat tad-dritt

Jekk it-tifqigħa tal-COVID-19 fi Frar-Marzu 2020 kienet sorpriża għal kulħadd u kienet tesiġi miżuri improvizzati u urġenti, illum dan ma għadux il-każ. Il-miżuri drastiċi biex titrażżan din il-kriżi tas-saħħa jistgħu jkunu ġustifikati. Madankollu, jeħtieġ li dawn ikunu antiċipati b'mod aħjar, u fuq kollox, soġġetti għal kontroll demokratiku. S'issa dan mhuwiex il-każ.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-miżuri jittieħdu malajr mill-eżekuttiv, l-għada tal-kunsilli ta' sigurtà jew ta' kumitati konsultattivi oħra, li l-kompożizzjoni tagħhom tibqa' misteru, mingħajr ebda konsultazzjoni reali (fis-sens li tingħata informazzjoni minn qabel u jkun hemm ħin għal riflessjoni) ma' diversi partijiet (soċjali, ekonomiċi, politiċi) u mingħajr ebda deċiżjoni tal-parlament nazzjonali tagħhom.

Ċerti prinċipji fundamentali – stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) jew fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – qegħdin "jitwarrbu" b'mod ċar, għal żmien indeterminat. Il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni (Artikolu 11 tal-KEDB) qiegħda titnaqqar u tiġi limitata b'mod drastiku. Id-dritt għal-libertà ta' opinjoni – permezz ta' modi ta' espressjoni bħaċ-ċinema u t-teatru – huwa pprojbit. Il-libertà ta' moviment hija ristretta b’mod sinifikanti: curfew mis-6 pm (fi Franza), awtorizzazzjoni biex persuna toħroġ mill-pajjiż (il-Belġju), eċċ. Il-libertà li persuna tipprattika r-reliġjon tagħha (Artikolu 9 tal-KEDB), id-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt li persuna teżerċita attività professjonali (l-Artikoli 14 u 15 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem) huma limitati b'mod sever, kif ukoll id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja (l-Artikolu 8 tal-KEDB).

Dawn id-deċiżjonijiet, ladarba jittieħdu jidħlu fis-seħħ minnufih, mingħajr ma jitqajmu mistoqsijiet, u ħafna drabi b'mod arbitrarju. X'tikkostitwixxi raġuni imperattiva li tiġġustifika l-qsim tal-fruntiera u x'mhijiex? Jew x'inhi raġuni essenzjali u x'mhijiex? L-awtoritajiet tal-pulizija, jew anke sempliċi uffiċjali tal-linji tal-ajru, huma responsabbli għall-kontroll. Din hija kwistjoni sensittiva ħafna.

L-awtoritajiet Ewropej qajla jiġu kkonsultati. Pereżempju, Pariġi ma nnotifikatx lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta' ċerti kontrolli fil-fruntieri, kif previst fil-kodiċi ta' Schengen. Bl-istess mod, il-miżuri Belġjani, li huma diskriminatorji b'mod eċċessiv fil-konfront tal-impjegaturi Ewropej, ma qajmu l-ebda reazzjoni b'saħħitha min-naħa tal-eżekuttiv Ewropew.

Il-parlamenti nazzjonali, eżatt bħall-Parlament Ewropew, jidhru mbeżża' taħt il-ħakma tal-kriżi. Kulħadd beżgħan li jekk jitlob biex jiġu rispettati r-regoli, jidher bħala persuna li taqla' l-inkwiet f'dik li hija l-ġlieda nazzjonali kontra l-pandemija. Madankollu, aħna ma ninsabux fi gwerra. Fuq kollox, fl-ebda mument il-gvernijiet ma rrikorrew għall-mezzi kostituzzjonali eżistenti dwar din id-dispożizzjoni li hija rregolata b'mod rigoruż.

Anke l-klawżola ta' deroga fi żminijiet ta’ emerġenza tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-famuż Artikolu 15, ma ġietx invokata, ħlief fil-każ ta' xi pajjiżi. Id-demokraziji l-antiki tal-kontinent ma jazzardawx jagħmlu dan għal raġunijiet simboloċi. Dan huwa każ ta' "kwarantina" vera u proprja, kif itenni Frédéric SUDRE, professur emeritu tal-Università ta' Montpellier, wieħed mill-aqwa speċjalisti dwar il-KEDB.

Il-ksur tal-prinċipji tad-demokrazija, l-attakki fuq l-istat tad-dritt, ċertament għalissa qegħdin jiġu tollerati mill-popolazzjoni. Xorta waħda dawn qegħdin jikkawżaw ħsara, anke jekk hija inviżibbli. Dawn jistgħu jipproduċu mewġ ta' rabja, kemm imprevedibbli kif ukoll mhux ikkontrollati. Dawn jistgħu jwasslu għal bidla fl-elezzjonijiet li jmiss lejn l-aktar populiżmu estrem. Fuq kollox dawn jistgħu jsaħħu l-argumenti tal-avversarji tal-għaqda Ewropea, kemm fil-kontinent kif ukoll barra mill-kontinent. L-imġiba tar-Russja fil-konfront tal-Kap tad-diplomazija Ewropea Josep Borrell f’Moska, fil-5 ta' Frar li għadda, mhijiex kumbinazzjoni. Wasal iż-żmien biex inqumu fuq saqajna.

Nicolas Gros-Verheyde

Kap editur ta' B2 – http://www.bruxelles2.eu/?lang=en