#YEYS2022: Żgħażagħ Ewropej jiddibattu d-diżinformazzjoni u jagħtu l-opinjoni tagħhom lill-Viċi President Jourová

This page is also available in

Studenti minn skejjel sekondarji mill-Ewropa kollha ppreżentaw tmien proposti konkreti lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza Věra Jourová. L-istudenti kienu qed jieħdu sehem fl-avveniment virtwali għaż-żgħażagħ, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! (YEYS2022) bit-titolu: Il-verità dwar il-gideb. Iż-żgħażagħ jisfidaw id-diżinformazzjoni. L-avveniment kien ospitat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fil-31 ta’ Marzu u l-1 ta’ April 2022.

Wara jumejn ta’ diskussjonijiet u dibattiti virtwali mqanqla, id-99 student ta’ bejn is-16 u t-18-il sena li pparteċipaw fl-avveniment #YEYS2022 ħarġu b’sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi, li ppreżentaw u ddiskutew mal-Viċi President Věra Jourová matul sessjoni plenarja finali.

L-edukazzjoni hija kruċjali biex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà tagħna kontra d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz, qalet is-Sinjura Jourová, hi u tagħlaq l-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2022 u tikkummenta dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudenti. Il-Viċi President Jourová indirizzathom kollha bir-reqqa u ddiskutiethom waħda waħda mal-istudenti. Id-diżinformazzjoni hija theddida għas-soċjetà tagħna, speċjalment fi żminijiet ta’ gwerra. Jeħtiġilna nindirizzawha filwaqt li nippreżervaw il-libertà tal-espressjonihija kkonkludiet.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudenti kienu kif ġej:

  • L-Istati Membri tal-UE għandhom jibdew kampanji pubbliċi fil-livell nazzjonali u Ewropew li jipprovdu informazzjoni dwar il-perikli tad-diżinformazzjoni u kemm l-aħbarijiet foloz jistgħu faċilment jippolarizzaw lin-nies u jxerrdu diskors ta’ mibegħda.
  • Għandhom jiġu żviluppati programmi edukattivi. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet nazzjonali joħolqu u jappoġġjaw korsijiet edukattivi dwar id-diżinformazzjoni u jinvestu f’attivitajiet dwar kif jiġu identifikati u indirizzati l-aħbarijiet foloz.
  • Għandhom jiġu stabbiliti pjattaformi ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali u/jew Ewropew, fejn ir-riżorsi ta’ informazzjoni jistgħu jiġu traċċati u dawk li jxerrdu l-aħbarijiet foloz jinżammu responsabbli għal dak li jippubblikaw online.
  • L-aċċessibbiltà għal sorsi affidabbli għandha tissaħħaħ u għandu jiġi inawgurat mekkaniżmu ta’ verifika tal-fatti. It-teknoloġija għandha tkun il-mezz li jiggarantixxi t-trasparenza u li tista’ tinkiseb b’mod kreattiv bl-użu ta’ għodod u apps online moderni bħal vidjos jew logħob.
  • Huwa kruċjali wkoll li Ngħidu Le għaċ-Ċensura! L-edukazzjoni hija dejjem l-iżjed ħaġa importanti u ċ-ċensura għandha tiġi evitata. L-awtoritajiet u l-gvernijiet nazzjonali m’għandhomx jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni, u l-verità u l-kredibbiltà huma l-pilastri li għandhom jiġu enfasizzati u ppreservati bħala l-kompetenzi essenzjali ta’ soċjetajiet parteċipattivi demokratiċi.
  • Is-sorveljanza sistematika tal-kontenut u l-oriġini tas-sorsi għandha tissaħħaħ. Il-gruppi fil-mira vulnerabbli għandhom jiġu protetti billi tiġi limitata l-aċċessibbiltà għal dawk li jxerrdu l-aħbarijiet foloz. Dan jista’ jsir permezz ta’ aktar kontrolli fuq l-identità tal-pubblikaturi, u l-kredenzjali u ċ-ċertifikazzjonijiet għandhom ikunu meħtieġa b’mod sistematiku.
  • Għandhom jitfasslu regolamenti ġodda u leġiżlazzjoni aktar stretta li jistabbilixxu pieni possibbli għal kontenut mhux rispettuż jew falz. Il-baġit għandu jiżdied skont dan.
  • Il-kampanji għandhom jinbdew f’kooperazzjoni mal-pjattaformi tal-midja soċjali u l-kumpaniji tal-apps tal-midja soċjali biex itellgħu pop ups bi twissijiet u messaġġi ta’ informazzjoni u jintroduċu algoritmi biex jidentifikaw aħbarijiet foloz.

L-għan tal-avveniment #YEYS2022 se jkun li ssir sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tad-diżinformazzjoni u li l-istudenti jiġu mħeġġa jsiru aktar attivi fil-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz. Waqt l-avveniment, iż-żgħażagħ ġew imħarrġa jidentifikaw faċilment id-diżinformazzjoni u jaġixxu kontriha. Huma ħadmu fi gruppi żgħar u f’sessjonijiet ta’ ħidma differenti u żviluppaw kampanja ta’ diżinformazzjoni, li aktar tard kellha tiġi indirizzata permezz ta’ kontrokampanja b’saħħitha ta’ informazzjoni.

L-istudenti ntlaqgħu minn Christa Schweng, President tal-KESE, li qalet: L-aħbarijiet foloz qed jinfirxu b’mod kostanti f’tentattiv biex idgħajfu l-valuri Ewropej u d-demokrazija fl-Ewropa. #YEYS2022 huwa opportunità għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw ħsieb kritiku u jitgħallmu dwar għodod għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Iż-żgħażagħ huma kruċjali biex jissawwar futur aħjar għall-Ewropa.

Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE inkarigat mill-komunikazzjoni, għalaq l-avveniment b’dawn il-kummenti: Bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, nixtiequ niltaqgħu aktar maż-żgħażagħ tagħna, nisimgħu l-approċċi tagħhom li jixhdu mħuħ miftuħa kif ukoll nikkombinaw it-tħassib tagħna mal-immaġinazzjoni u l-viżjoni tagħhom għall-futur.

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2022! – YEYS2022 – intgħażel bħala wieħed mill-avvenimenti ewlenin li qed iseħħu matul is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022.

Sfond:

L-avveniment ewlieni tal-Kumitat għaż-żgħażagħ laqa’ 33 skola, waħda minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE, ħames pajjiżi kandidati (l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija) u skola Ewropea bbażata fi Brussell.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-KESE għandu l-għan li jiżgura li l-fehmiet, l-esperjenzi u l-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika tal-UE.

Aktar dettalji dwar YEYS 2020 jinsabu fil-paġna uffiċjali tal-avveniment.

Downloads

#YEYS2022: Young Europeans debate disinformation and deliver their say to Vice-President Jourová