European Economic
and Social Committee
Il-potenzjal mhux sfruttat tal-logħob biex tittejjeb is-saħħa mentali
Il-Fondazzjoni Finlandiża Lilinkoti ħasset li għad hemm lok għall-innovazzjoni u approċċi ġodda għas-saħħa mentali, u għaldaqstant, żviluppat il-logħbiet The World of Recovery (TWoR), logħba li tintlagħab online u oħra li tintlagħab madwar mejda. Iż-żewġ logħbiet huma logħba ta’ rwol li jirrikjedu li l-ġugaturi jieħdu r-rwol ta’ karattru partikolari. Ambjentati f’dinja futuristika ta’ tama, il-logħbiet jippromovu t-triq lejn l-irkupru tal-ġukatur, u għandhom fil-mira l-persuni li jkunu qed jirkupraw minn problemi ta’ saħħa mentali u problemi ta’ abbuż minn sustanzi, kif ukoll il-professjonisti. Ir-rappreżentanti ta’ Lilinkoti, Reetta Sedergren u Venla Leimu, spjegawlna li l-logħbiet għandhom potenzjal enormi biex tittejjeb is-saħħa mentali, madankollu dan il-potenzjal għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat.
X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett tagħkom?
Xi snin ilu, il-Fondazzjoni Lilinkoti ħasset li kien hemm lok kbir għal innovazzjoni u approċċi ġodda fil-qasam tal-irkupru relatat mas-saħħa mentali. Il-popolarità tas-sistemi ta’ orjentazzjoni għall-irkupru kienet pass kbir ’il quddiem fil-qasam, iżda kien hemm nuqqas ta’ għodod moderni u innovattivi li jimplimentawhom. L-organizzazzjoni tagħna ilha għal għexieren ta’ snin taħdem ma’ persuni li jkunu qed jirkupraw minn problemi tas-saħħa mentali, u kellna ħolma: li kieku kellna għodda moderna biex nagħtu spinta lis-saħħa mentali – logħba diġitali fejn wieħed jista’ jilgħab ir-rwol ta’ karattru?
Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu?
Il-logħbiet The World of Recovery ġew żviluppati flimkien ma’ persuni li kienu qed jirkupraw minn problemi ta’ saħħa mentali u ma’ professjonisti, għalhekk il-feedback kien kostanti matul il-proċess tat-tfassil tal-logħba, li kien ta’ gwida għar-riżultat aħħari.
Irċevejna ammont kbir ta’ feedback anonimu u personali pożittiv mill-ġugaturi taż-żewġ logħbiet. Pereżempju, aktar minn 90 % ta’ dawk li wieġbu qalu li l-logħba fuq il-mobile tat spinta lill-benesseri tagħhom u għenithom ikunu attivi, filwaqt li l-logħba tar-rwol għenithom fir-rigward tal-ħiliet soċjali tagħhom.
Forsi l-aħjar feedback kien id-daħq u l-konverżazzjonijiet dwar is-sentimenti, l-isfidi u l-punti b’saħħithom, u l-mod kif il-logħbiet ġabu flimkien lill-ġugaturi, irrispettivament mir-rwoli u l-isfond tagħhom.
X’parir tagħtu lil organizzazzjonijiet oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet u programmi bħal dawn?
Hemm ħafna benefiċċji li wieħed ikun fuq quddiem nett tal-innovazzjoni. Huwa verament ta’ ispirazzjoni u tkun qed tagħmel xi ħaġa ġdida. Ħaddnuha, u tippruvawx tirrestrinġuha. Segwu l-istint tagħkom, kunu kurjużi biex tisimgħu l-opinjonijiet ta’ kulħadd. L-aktar ħaġa importanti hija li jiġu involvuti persuni li jkunu qed jirkupraw u esperti b’esperjenza fil-proċess tad-disinn. Jekk qed tagħmlu il-logħob, kunu lesti li tindirizzaw bosta preġudizzji minn professjonisti. Huwa komuni fil-qasam tas-saħħa mentali li l-logħob b’mod ġenerali jitqies bħala vizzju jew ta’ ħsara. Taqtgħux qalbkom! Kunu kuraġġużi, kreattivi u oħolmu.
X’inhu l-potenzjal tal-logħob tal-kompjuter u tal-vidjo għat-titjib tas-saħħa mentali? Fl-opinjoni tagħkom, għandhom jintużaw aktar fit-trattament ta’ kwistjonijiet tas-saħħa mentali?
Il-potenzjal tal-logħob tal-kompjuter u tal-vidjow – u speċifikament il-logħob tar-rwol – għat-titjib tas-saħħa mentali huwa enormi. Peress li għadd allarmanti ta’ persuni jbatu minn kwistjonijiet tas-saħħa mentali, neħtieġu modi ġodda u versatili biex intejbu s-saħħa mentali. Hija ħasra li l-potenzjal tal-logħob ma ġiex esplorat aktar. Dan mhuwiex minħabba nuqqas ta’ interess iżda minħabba nuqqas ta’ finanzjament suffiċjenti. Ma hemm l-ebda mod rapidu u faċli biex jiġi żviluppat logħob tajjeb biex tittejjeb is-saħħa mentali. Neħtieġu aktar finanzjament, aktar proġetti żviluppati b’mod konġunt, u aktar professjonisti fis-settur tas-saħħa mentali u tal-industrija tal-logħob li jaħdmu għal dan l-għan. U neħtieġu riċerka, ħafna riċerka.