minn Nicoletta Merlo 

It-traineeships jirrappreżentaw perkors għaż-żgħażagħ biex jiffamiljarizzaw ruħhom mad-dinja tax-xogħol, għal skopijiet ta’ gwida u taħriġ. Dawn żviluppaw b’mod konsiderevoli fl-Ewropa kollha, inkluż bis-saħħa tal-programm Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas ta’ kwalità għat-traineeships tal-2014 ipprovdiet linji gwida siewja lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-istrument. 

Sfortunatament, maż-żmien kien hemm abbużi u distorsjonijiet fil-mod kif jitwettqu t-traineeships, b’żieda fil-każijiet ta’ sfruttament tat-trainees żgħażagħ li ntużaw biex jissostitwixxu lill-ħaddiema b’xogħol bi rħis mingħajr aċċess għal salvagwardji u protezzjoni soċjali adegwati. 

Għal din ir-raġuni, il-KESE japprova l-għan tal-Kummissjoni Ewropea li ttejjeb il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships fl-Ewropa kollha, speċjalment fir-rigward tat-tisħiħ tal-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ, u l-ġlieda kontra l-abbuż u l-użu ħażin tat-traineeships. 

Madankollu, iż-żewġ proposti tal-Kummissjoni – li jinkludu Rakkomandazzjoni tal-Kunsill aġġornata u Direttiva – jindirizzaw biss uħud mill-kwistjonijiet u għandhom xi aspetti problematiċi: 

  • dawn jirreferu b’mod indiskriminat għall-forom kollha ta’ traineeships, u jonqsu milli jqisu b’mod adegwat id-differenzi eżistenti bejn id-diversi tipi ta’ traineeships u l-iskopijiet tagħhom jew l-applikazzjonijiet differenti tagħhom fl-Istati Membri; 
  • il-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tal-użu ħażin tat-traineeships upstream mhumiex previsti, u hemm nuqqas ta’ regoli vinkolanti biex jogħlew l-istandards tal-kwalità; u 
  • fir-rigward tad-Direttiva proposta, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri biss trainees li huma kkunsidrati bħala ħaddiema jew li huma f’relazzjoni ta’ impjieg, li huwa l-każ f'inqas minn nofs l-Istati Membri. Dan jillimita l-għadd ta’ persuni kkonċernati u jżid ir-riskju li ma jinkisbux ir-riżultati mistennija. 

Fil-fehma tiegħi, biex tittejjeb il-kwalità tat-traineeships, l-ewwel nett għandhom jiġu stabbiliti kriterji minimi ta’ kwalità għal kull tip ta’ traineeship, u b’hekk jiġi limitat l-użu tagħhom upstream. Dawn il-kriterji għandhom jipprovdu salvagwardji bażiċi u enfasi qawwija fuq it-taħriġ kif ukoll impenji biex jiġu miġġielda l-każijiet kollha ta’ użu ħażin b’miżuri adegwati, inkluż billi tissaħħaħ is-sistema ta’ spezzjoni. 

Barra minn hekk, sabiex l-esperjenza tat-traineeship tkun aċċessibbli għal kulħadd – għalkemm b’mod ġenerali ma nistgħux nitkellmu dwar il-pagi peress li t-trainees fil-parti l-kbira tal-każijiet ma jitqisux bħala ħaddiema u t-traineeship jitqies l-aktar barra mill-kuntest tal-impjieg – huwa importanti li nrażżnu t-traineeships mhux imħallsa billi nistabbilixxu allowance obbligatorju kkalkulat mhux biss abbażi tal-kompiti u r-responsabbiltajiet involuti fit-traineeships, iżda wkoll abbażi tal-ispejjeż li t-trainees iridu jġarrbu biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-traineeships. 

Fl-aħħar nett, għandha nqisu aktar ir-rwol li l-imsieħba soċjali jista’ jkollhom fl-implimentazzjoni tar-regolament fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-monitoraġġ u l-kontroll tal-użu tal-istrument.