Inti r-relatur tal-Opinjoni dwar Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027. X’inhuma l-proposti tal-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar il-PAK wara l-2027 fir-rigward tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel?

Stoyan Tchoukanov: Il-PAK għamlitha possibbli li l-Unjoni Ewropea tassigura provvista stabbli tal-ikel bi kwalità għolja li dejjem qed tidied għall-popolazzjoni tagħha li dejjem qed tikber, waqt li żżomm mudell tal-biedja mill-familji. F’dawn l-aħħar 65 sena, il-politika evolviet, iżda għad hemm ħafna kritika tat-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà tal-verżjoni l-ġdida li daħlet fis-seħħ fl-2021.

Quddiem sfidi ġodda, issa aktar minn qatt qabel, neħtieġu qafas ta’ politika stabbli fit-tul immirat lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u awtonomija strateġika miftuħa għall-Unjoni Ewropea. Dan għandu jimxi id f’id mal-protezzjoni tad-diversità tat-tipi ta’ biedja fl-UE u r-rispons għall-ħtiġijiet soċjetali u ekoloġiċi (“fondi pubbliċi għall-beni pubbliċi”), filwaqt li jiġi żgurat l-iżvilupp rurali.

Il-politiki ambjentali u klimatiċi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala piż fl-irkupru mill-kriżi attwali, iżda pjuttost bħala parti mis-soluzzjonijiet fit-tul u l-linji gwida għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-futur. L-aħħar riforma saħħet il-prinċipju li kull ettaru appoġġjat irid ipatti billi jipprovdi servizzi ambjentali lis-soċjetà.

Madankollu, il-finanzjament uniformi għal kull ettaru ma jirriflettix ir-realtà ekoloġika jew l-appoġġ ġust minn perspettiva soċjali. Aħna nemmnu li l-PAK li jmiss għandha taħdem iktar f’dan ir-rigward, billi ssaħħaħ ir-rekwiżiti ambjentali u soċjali li għandhom jiġu ppremjati u ssalvagwardjati kif imiss mill-kompetizzjoni inġusta.

Għalhekk, il-pagamenti skont is-superfiċje għandhom jingħataw skop ġdid u jkunu mmirati bħala inċentivi minflok bħala kumpens għas-servizzi ta’ benefiċċju, b’perjodu ta’ tranżizzjoni raġonevoli li jista’ jmur lil hinn minn perjodu ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) wieħed.

L-azjendi agrikoli żgħar tal-familja għandu jkollhom l-opportunità li jagħżlu li jżommu appoġġ għall-introjtu bbażat fuq il-pagamenti skont is-superfiċje u l-unitajiet tax-xogħol fl-azjenda agrikola, waqt li l-Istati Membri jitħallew jiddefinixxu l-kriterji fil-pjani strateġiċi. Sabiex ma jkomplix jonqos l-għadd ta’ azjendi agrikoli fl-UE minħabba n-nuqqas ta’ tiġdid ġenerazzjonali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni rigward it-tisħiħ tal-qligħ medju mill-biedja, l-aċċess għall-art (permezz ta’ għotjiet ta’ investiment, kreditu preferenzjali, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trasferiment tal-art), il-kundizzjonijiet ta’ investiment favorevoli taħt it-tieni pilastru (li jġibu flus privati addizzjonali), it-titjib tal-ħiliet (tal-bdiewa, tal-ħaddiema tal-azjendi agrikoli, u tal-konsulenti), it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, it-titjib tal-prospetti fit-tul għall-bdiewa (pensjonijiet, eċċ.) kif ukoll l-attraenza ġenerali taż-żoni rurali.

Il-PAK trid tikkontribwixxi lejn il-promozzjoni tad-domanda tal-konsumatur fl-UE għal dieti iktar tajbin għas-saħħa u iktar sostenibbli (prodotti organiċi, staġjonali, lokali), tnaqqas il-ħela tal-ikel, u tirregola s-swieq tal-ikel biex b’hekk tindirizza l-finanzjalizzazzjoni tas-settur tal-ikel li tikkawża spekulazzjoni severa, peress li qed isiru profitti kbar mentri l-Ewropej qed ibatu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel. Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u r-riskji ta’ tfixkil fil-provvista tal-enerġija u tal-fertilizzanti huma parti min-normalità l-ġdida, u l-PAK għandha tikkunsidra l-inklużjoni ta’ komponenti kontroċikliċi u tipprovdi skemi ta’ appoġġ għall-investiment iddedikati għat-titjib fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-azjendi agrikoli u fil-livell lokali fiż-żoni rurali.

Fl-Opinjoni tagħna nissuġġerixxu li l-Kummissjoni tikkunsidra r-rinfurzar ta’ skemi ta’ assigurazzjoni tas-sħubija pubblika/privata – li huma voluntarji fl-Istati Membri individwali – fl-istrumenti tal-PAK wara l-2027 bħala rispons għall-konsegwenzi tal-kundizzjonijiet klimatiċi estremi. Fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024 u t-tkabbir futur tal-UE, il-KESE jqis din l-Opinjoni bħala opportunità biex jiġu stabbiliti xi kunsiderazzjonijiet/linji gwida/proposti mis-soċjetà ċivili organizzata dwar il-forma u d-direzzjoni ġdida tal-PAK wara l-2027 bil-għan li tinkiseb produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel fi ħdan politika dwar l-ikel iktar olistika u komprensiva. L-għan huwa li jingħata kontribut għall-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK li jmiss billi jiġu enfasizzati l-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-aspettattivi tas-soċjetà.