Relatur: Pietro Vittorio Barbieri

L-adozzjoni ta’ Opinjoni dwar id-djalogu ċivili ma tistax tkun it-tmiem tal-proċess. Bla dubju hija pass fundamentali lejn il-progress, peress li tfasslet fuq talba tal-Presidenza Belġjana u għalhekk tista’ tiżdied mal-aġenda tal-Unjoni Ewropea.

Minflok ma tiġi deskritta l-Opinjoni, ikun aktar utli li wieħed jifhem il-proċess. Id-djalogu ċivili huwa l-ewwel u qabel kollox post fejn in-nies jistgħu jiddiskutu l-aġendi u l-objettivi tagħhom, fejn il-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u mhux istituzzjonali jiltaqgħu fuq l-istess livell.

Madankollu, id-demokrazija rappreżentattiva trid tiġi salvagwardjata minn tentattivi illiberali biex tiġi mminata. Diversi forom ta’ populiżmu huma kawża profonda ta’ tħassib peress li qed inaqqsu l-ispazju għall-parteċipazzjoni ċivika. Għal din ir-raġuni huwa essenzjali kif ukoll urġenti li jkun implimentat l-Artikolu 11 tat-TUE. Meta nkiteb dan l-Artikolu għall-ewwel darba, kien ċar li d-demokrazija liberali teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ korpi intermedjarji, bħall-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn il-korpi jwasslu l-fehmiet tan-nies – intraprendituri li jmexxu kumpaniji kbar jew SMEs, ħaddiema, professjonisti, konsumaturi, minoranzi bħal migranti, persuni b’diżabilità u Rom, u kull min huwa involut f’assoċjazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. “Il-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma fost il-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Dawn huma minquxa fit-Trattati tal-UE u jinsabu fil-qalba tal-identità tal-UE. Madankollu, dawn il-valuri spiċċaw taħt pressjoni kbira f’dawn l-aħħar snin. L-Ewropa ffaċċjat kriżijiet mingħajr preċedent, li amplifikaw l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u xeħtu dubju fuq il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet demokratiċi,” qal Oliver Röpke fid-diskors tiegħu ta’ inawgurazzjoni. Id-djalogu ċivili huwa essenzjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u kif indika l-President il-ġdid meta tkellem dwar il-KESE bħala istituzzjoni tal-UE, il-bibien tal-istituzzjonijiet tal-UE dejjem iridu jkunu miftuħa biex jinstema’ dak li jridu jgħidu n-nies.

Id-dibattitu fil-Grupp ta’ Studju li ħejja din l-Opinjoni kien eżempju tajjeb ta’ djalogu ċivili, fejn il-parteċipanti semgħu lil xulxin u nnegozjaw dwar il-kliem, il-kontenut u l-għanijiet.

Kien hemm qbil dwar xi talbiet li jiġu ppreżentati lill-istituzzjonijiet Ewropej bil-ħsieb li jissaħħaħ id-djalogu ċivili. L-għan kien li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali, bażi għal strateġija u pjan ta’ azzjoni.

Dan huwa progress, pass ’il quddiem bħall-ħafna oħrajn li l-KESE wettaq mill-1999 permezz ta’ diskussjonijiet interni bejn l-entitajiet li jirrappreżenta. Madankollu, dan il-pass issa jrid jiġi implimentat u appoġġjat u jkompli fit-triq biex jiġi adottat mill-Unjoni Ewropea.