European Economic
and Social Committee
Reżiljenza ekonomika: minn ġestjoni tal-kriżijiet għal protezzjoni taċ-ċittadini
Minn Elena Calistru
Il-kriżijiet reċenti kienu test tal-istress għall-arkitettura ekonomika tal-Ewropa, fejn in-nies ordinarji qed iġorru l-akbar piż. L-Opinjoni tagħna dwar Inħallu warajna l-kriżijiet toffri pjan ta’ azzjoni għal ekonomija li tipproteġi lill-individwi u lin-negozji, aktar milli tesponihom għal taqlib ekonomiku.
Jispikkaw tliet imperattivi ekonomiċi:
L-ewwel nett, it-tbassir ekonomiku jrid jevolvi minn analiżi retrospettiva għal intervent ta’ previżjoni. Meta tfaqqa’ l-inflazzjoni, huma l-imwejjed tal-kċina li jintlaqtu l-ewwel, qabel id-dashboards ekonomiċi. Neħtieġu sistemi sofistikati ta’ detezzjoni bikrija li jidentifikaw il-konġestjonijiet fil-provvista u l-anomaliji fit-trażmissjoni tal-prezzijiet, qabel ma jibdew jinħassu fil-kontijiet tal-enerġija tat-tisħin u l-ikel mhux affordabbli. L-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli għal xokkijiet ekonomiċi huma preċiżament dawk bl-inqas kapaċità li jassorbuhom – realtà li titlob identifikazzjoni granulari tal-vulnerabbiltajiet biex tiġi żgurata protezzjoni mmirata.
It-tieni, il-kapaċità fiskali trid tinbidel minn rispons ta’ emerġenza għal stabbilizzazzjoni integrata. Next Generation EU kien impressjonanti iżda improvvizzat. Mekkaniżmi ta’ stabbilizzazzjoni fiskali permanenti b’sorveljanza mis-soċjetà ċivili jiżguraw li r-reazzjonijiet għall-kriżijiet jipproteġu lil dawk l-aktar f’riskju. Meta l-governanza ekonomika tinjora l-effetti distributtivi, il-pressjoni soċjali li tirriżulta tipperikola r-reżiljenza nnifisha li qed infittxu li nibnu. Il-kundizzjonalitajiet soċjali fil-finanzjament tal-UE m’għandhomx jitqiesu bħala ostakli burokratiċi – jistgħu jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku jissarraf fi standards tal-għajxien imtejba għal kulħadd.
It-tielet, l-integrazzjoni tas-suq trid taċċellera l-oqsma l-aktar importanti għall-konsumaturi. Il-kostijiet tal-enerġija li jaqbżu b’mod sinifikanti dawk tal-kompetituri mhumiex biss indikaturi makroekonomiċi – huma kontijiet ta’ kull xahar li jagħmlu pressjoni fuq il-baġits tal-unitajiet domestiċi madwar l-Ewropa. L-investimenti strateġiċi fl-infrastruttura transfruntiera u l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija mhumiex biss objettivi ekonomiċi astratti iżda għajnuna tanġibbli għall-familji u n-negozji li qed iħossu l-għafsa tal-għoli tal-ħajja.
Il-politika ekonomika mfassla mingħajr il-kontribut tas-soċjetà ċivili hija bħal navigazzjoni mingħajr għarfien lokali – teknikament possibbli iżda fil-prattika mhix għaqlija. Meta l-politiki jitfasslu bil-parteċipazzjoni sħiħa ta’ dawk li se jesperjenzaw il-konsegwenzi tagħhom, dawn dejjem jagħtu riżultati superjuri. Mhijiex kwistjoni ta’ konsultazzjoni bħala formalità; imma kwistjoni ta’ sfruttar tal-intelliġenza kollettiva tas-soċjetà ċivili organizzata matul iċ-ċiklu ta’ politika kollu.
L-ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva tal-Ewropa teħtieġ li tiġi mmodernizzata, u mhux titħalla għal riħha. L-għażla bejn il-kompetittività u l-protezzjoni taċ-ċittadini hija promossa minn dawk b’immaġinazzjoni ekonomika limitata. L-isfidi li ġejjin jeħtieġu kreattività istituzzjonali li tqiegħed ir-reżiljenza ekonomika u l-benesseri tan-nies fil-qalba tal-governanza ekonomika tal-Ewropa.