European Economic
and Social Committee
Michael McLoughlin: Għal trattament ugwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol
L-2022, is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, qed tasal fi tmiemha. F’rapport dwar it-trattament ugwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, il-KESE jirrakkomanda approċċ ibbażat fuq bidla sinifikanti fil-politika u l-involviment taż-żgħażagħ biex jiġi żgurat li s-Sena taż-Żgħażagħ tkun aktar minn sempliċi attività ta’ komunikazzjoni.
Matul is-sena, il-KESE kien minn ta’ quddiem biex jipproponi Opinjonijiet ibbażati fuq l-interessi taż-żgħażagħ u modi kif il-KESE nnifsu jista’ jtejjeb l-involviment taż-żgħażagħ.
Bħala parti minn dan il-proċess, il-KESE fassal rapport dwar It-Trattament Ugwali taż-Żgħażagħ fis-Suq tax-Xogħol. L-għan tiegħu kien li janalizza għadd ta’ prattiki u regoli, sikwit fil-livell lokali, li jittrattaw liż-żgħażagħ b’mod inqas favorevoli fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-pagi minimi, is-sigurtà soċjali u s-saħħa u s-sikurezza, purament minħabba l-età tagħhom.
Abbażi ta’ informazzjoni mill-Eurofond, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, l-ILO u s-Sistema ta’ Informazzjoni Reċiproka dwar il-Protezzjoni Soċjali, l-Opinjoni ħarġet fid-dieher id-dettalji dwar uħud minn dawn il-kwistjonijiet. Iż-żgħażagħ huma partikolarment dipendenti mill-paga minima, b’aktar minn żagħżugħ/a wieħed/waħda minn kull 4 jaqilgħu l-paga minima, meta mqabbel ma’ adult/a minn kull 10, skont il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Għadd ta’ Stati Membri ffissaw “pagi minimi għaż-żgħażagħ” speċifiċi, li f’kull każ huma aktar baxxi mill-paga minima ġenerali għal gruppi tal-età partikolari, filwaqt li Stati Membri oħra jeskludu żgħażagħ taħt it-18-il sena mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-paga minima.
Qasam ieħor fejn jista’ jkun hemm trattament divrenzjat taż-żgħażagħ huwa matul il-perjodi tal-qgħad. Mill-ġdid, dawn huma prinċipalment kompetenzi tal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ tar-rati ta’ pagament, il-perjodi ta’ ħlas u l-kriterji. Hemm livell għoli ta’ diversità u kumplessità fost is-sistemi nazzjonali fl-Ewropa. Madankollu, nistgħu nimmaġinaw xenarji fejn dawn id-differenzjali ser iħallu impatt fuq kwistjonijiet bħall-impjiegi u l-moviment liberu fi ħdan l-UE.
Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu żvantaġġati wkoll mis-sistemi tal-benefiċċji tal-qgħad, peress li jista’ ma jkunux lestew il-perjodu meħtieġ ta’ “kontributi” biex jikkwalifikaw għas-sistemi relevanti. L-internships mhux imħallsa jistgħu jiġu definiti bħala perjodi ta’ xogħol, simili għal dawk imwettqa minn impjegati mħallsa, li mhumiex marbuta ma’ proċess formalizzat u espliċitu ta’ edukazzjoni, taħriġ, volontarjat jew kollokament. Kien hemm varjetà ta’ sistemi differenti rrappurtati fi Stati Membri differenti b’livelli differenti ta’ sorveljanza u regolamentazzjoni. L-Opinjoni enfasizzat ir-Riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew, li qed juri interess akbar f’din il-kwistjoni bħala simbolu tanġibbli ta’ impenn għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.