European Economic
and Social Committee
Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi għall-Istati Membri jindirizzaw b’mod adatt l-isfidi l-aktar urġenti
Il-KESE dan l-aħħar ħareġ opinjoni favorevoli għal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea għall-politiki dwar l-impjieg tal-Istati Membri, u ddeskrivihom bħala adatti peress li jindirizzaw l-aktar kwistjonijiet urġenti fis-suq tax-xogħol.
F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Settembru, il-KESE enfasizza li s-sitwazzjoni ġeopolitika dejjem aktar inċerta - li x’aktarx se tolqot ħażin l-ekonomija tal-UE, tikkawża inflazzjoni għolja u reċessjoni, u tnaqqas il-kapaċità tal-akkwist - tiġġustifika azzjoni deċiżiva mill-Istati Membri, li għandhom jaħdmu lejn suq uniku verament integrat u jgħinu lill-SMEs jespandu.
“In-nuqqas ta’ ħaddiema qed jerġa’ jiżdied, u din hija r-raġuni għaliex nemmnu li għandhom jiġu implimentati miżuri effettivi sabiex l-imsieħba soċjali jiġu mħeġġa jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet fil-livell nazzjonali, b’azzjoni adattata għas-setturi individwali u s-sitwazzjonijiet lokali. L-akkwist tal-ħiliet u l-kompetenzi relevanti qed isir dejjem aktar importanti kemm għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji,” qalet ir-relatur tal-Opinjoni Mariya Mincheva, hija u tindirizza l-plenarja.
Skont il-KESE, l-imsieħba soċjali għandu jkollhom rwol akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi u l-politiki tal-impjieg, dawk soċjali u ekonomiċi, inkluż billi jibnu l-kapaċità tagħhom.
Sfida importanti hija li titnaqqas ir-rata ta’ inattività, u l-appoġġ immirat huwa speċjalment importanti għall-persuni qiegħda fit-tul, qal il-KESE fl-Opinjoni. L-Opinjoni għamlet ukoll enfasi speċjali fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-ħtieġa għal strumenti ta’ politika bħal pagi deċenti, inklużi pagi minimi adegwati, u inċentivi finanzjarji temporanji mfassla tajjeb, akkumpanjati minn miżuri mmirati u effettivi ta’ taħriġ f’ħiliet u titjib tal-ħiliet.
Għandhom jissaħħu wkoll il-politiki mfassla biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ, lill-persuni b’diżabilità u lil gruppi vulnerabbli oħra fis-suq tax-xogħol.
Fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet għadd ta’ emendi għall-politiki dwar l-impjieg tal-Istati Membri. Dawn jirriflettu inizjattivi reċenti u jżidu elementi ġodda relatati mal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Il-KESE laqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-ambjent ta’ wara l-COVID bl-għan li tiżgura tkabbir sostenibbli.
Il-linji gwida emendati jiffokaw fuq diversi kwistjonijiet bħat-tisħiħ tad-domanda għax-xogħol; it-titjib tal-aċċess għall-impjieg, l-akkwist tul il-ħajja ta’ ħiliet u kompetenzi; it-titjib tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd. (ll)