European Economic
and Social Committee
Id-dibattitu tal-KESE jfaħħar il-prijorità mogħtija lill-SMEs fil-miżuri futuri tal-UE.
Dibattitu dwar l-isfidi u l-prospetti għall-SMEs fl-UE ospitat mill-KESE laqa’ l-miżuri mħabbra fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni u ddiskuta l-proposti tal-KESE biex it-trasferimenti tan-negozji jsiru aktar faċli fost it-tħassib dwar in-numru dejjem jikber tagħhom.
Il-plenarja tal-KESE fit-22 ta’ Settembru inkludiet dibattitu dwar is-suġġett “SMEs fl-Ewropa – sfidi u perspettivi”. Fid-dibattitu pparteċipaw David Clarinval, Ministru Belġjan għall-SMEs, Isabelle Schömann, Segretarju Konfederali tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, u Véronique Willems, Segretarju Ġenerali ta’ SMEunited, u waqtu ġie ppreżentat ukoll rapport tal-KESE dwar it-trasferimenti tan-negozju fl-UE.
Is-Sur Clarinval pinġa stampa mħallta tas-sitwazzjoni li jiffaċċjaw l-SMEs Belġjani, bis-saħħiet tagħhom – id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni, l-aċċess għall-finanzi – u d-dgħufijiet – nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa, indiċjar awtomatiku tas-salarji, ħlasijiet tard. “Is-suq uniku huwa fundamentali għal dawn in-negozji,” huwa qal. “Madanakollu mhux dejjem huwa perfett, u anke issa r-reazzjonijiet għall-kwistjonijiet tal-enerġija jistgħu jibqgħu fil-livell nazzjonali f’ħafna każijiet.” Imbagħad iddeskriva l-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet Belġjani biex jgħinu lill-kumpaniji jiffaċċjaw il-kriżi tal-enerġija, b’enfasi fuq skemi ta’ flessibbiltà tal-ħlas.
Is-Sinjura Schömann ammettiet li veru li tajjeb li l-SMEs jiġu appoġġjati matul dawn iż-żminijiet ħorox, billi jiġu riveduti r-regoli tal-għajnuna mill-Istat u l-politika tal-kompetizzjoni. Veru li tajjeb li jsir investiment fl-edukazzjoni, fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid biex il-kumpaniji jiġu megħjuna jiffaċċjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, iżda jkun żbaljat għan-negozji u l-SMEs li jħarsu lejn id-dimensjoni soċjali tat-tranżizzjoni doppja biss mil-lenti tal-ħiliet. Bl-istess mod fil-każ tal-kriżijiet reċenti, “Mhuwiex aċċettabbli li n-negozji, kemm jekk kbar kif ukoll jekk żgħar, ikollhom aċċess għall-flus pubbliċi mingħajr ebda kundizzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet soċjali biex jinżammu l-impjiegi – impjiegi ta’ kwalità,” argumentat,” li jinkludu wkoll l-eżerċizzju effettiv tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol permezz tal-infurmar u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. L-antiċipazzjoni tal-bidla mhijiex kwistjoni għan-negozji biss. Jeħtieġ li l-kumpaniji jindirizzaw dan flimkien mal-ħaddiema jekk kulħadd irid jaċċetta l-miżuri li jiddaħħlu fis-seħħ.”
Is-Sinjura Willems faħħret il-miżuri l-ġodda mħabbra fl-indirizz tal-President tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni, partikolarment il-limiti tad-dħul għall-produtturi tal-elettriku u l-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs fil-bżonn, fuq kollox id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, għax “sempliċement mhux ġust li wieħed minn kull erbgħa fallimenti huma minħabba li l-fatturi ma jitħallsux fil-ħin. Il-Kummissjoni nediet bosta inizjattivi f’dan il-mandat li se jkollhom impatt fuq l-SMEs. Madankollu, għadna mhux se nsejħulha qafas legali abilitanti,” qalet, filwaqt li rrimarkat dak li l-organizzazzjoni tagħha tqis bħala l-elementi neqsin, b’mod partikolari l-ħtieġa li t-test tal-SMEs isir aktar effettiv u jtaffi l-piż regolatorju: l-approċċ “one-in, one-out” mhuwiex biżżejjed. Irridu naħdmu b’approċċ “one-in, more-out,” saħqet hi. (dm)