European Economic
and Social Committee
Ir-rebbieħa tal-KESE tal-premijiet tal-UE għall-produzzjoni organika 2023: mill-Irlanda, il-Ġermanja u l-Awstrija
Fil-25 ta’ Settembru, il-KESE ħabbar ir-rebbieħa tiegħu fit-tliet kategoriji tal-premijiet tal-UE għall-produzzjoni organika: L-aħjar SME li tipproċessa l-ikel organiku, L-aħjar bejjiegħ bl-imnut tal-ikel organiku, u L-aħjar ristorant tal-ikel organiku.
Għat-tieni sena konsekuttiva, dan l-avveniment ġie organizzat mal-Kummissjoni Ewropea u msieħba oħra sabiex tiġi ppremjata l-eċċellenza fil-katina tal-valur tas-settur organiku Ewropew. Ir-rebbieħa tal-kategoriji kollha ħadu sehem f’ċerimonja speċjali li saret fil-Kummissjoni Ewropea u li kienet ospitata mill-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura, Janusz Wojciechowski.
Il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “Il-KESE ilu snin jirrakkomanda politika dwar l-ikel aktar sostenibbli u komprensiva fl-UE. Ninsab kburi li aħna parti minn din l-inizjattiva importanti li ġġib ikel ta’ kwalità eqreb lejn il-konsumaturi ta’ kuljum u li tkopri l-passi kollha tal-katina agroalimentari. Nixtieq nifraħ lir-rebbieħa tal-premijiet tal-UE għall-produzzjoni organika ta’ din is-sena u nirringrazzjahom talli qasmu magħna l-proġetti ta’ ispirazzjoni tagħhom”.
Ir-rebbieħa huma:
L-aħjar SME li tipproċessa l-ikel organiku: The Merry Mill, Vicarstown, l-Irlanda
The Merry Mill huwa farm organiku mmexxi mill-familja li jipproduċi firxa ta’ ikel organiku mingħajr glutina fl-Irlanda. Il-missjoni tagħhom hija li jipprovdu prodotti ta’ kwalità għolja li mhux biss huma tajbin għall-ġisem iżda wkoll għar-ruħ, huma prodotti sostenibbli, għandhom togħma tajba ħafna u, fuq kollox, ma għandhom ebda impatt negattiv fuq l-ambjent.
L-aħjar bejjiegħ bl-imnut tal-ikel organiku: Gut Wulksfelde (Bioland), Tangstedt, il-Ġermanja
Gut Wulksfelde (Bioland) għandhom ħanut agrikolu ta’ 600m2 li fih ibigħu l-prodotti mill-farm organiku tagħhom. Huma għandhom 450 ettaru ta’ art li fihom ikabbru ’l fuq minn 50 varjetà ta’ ħaxix differenti. Huma jipproċessaw ukoll il-laħam, jipproduċu l-bajd u għandhom ukoll forn li jaħmi l-ħobż għall-ħanut agrikolu tagħhom.
L-aħjar ristorant/servizz tal-ikel organiku: Restaurant Luftburg Kolarik im Prater GmbH, Vjenna, l-Awstrija
Sa mill-2021, Luftburg Kolarik huwa l-akbar ristorant tal-ikel organiku li huwa kompletament iċċertifikat fid-dinja, li jesa 1,200 ruħ. Ir-ristorant twaqqaf fl-1992 bis-sostenibbiltà ekoloġika u soċjali fil-qalba tal-filosofija tiegħu. (ks)