Kif għandhom jiġu ntaxxati l-pagi u l-profitti tal-kumpaniji b’mod li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ambjent tax-xogħol tal-lum? F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-KESE jindirizza din l-isfida, u fl-istess ħin jilqa’ u jħeġġeġ iż-żieda fit-telexogħol. Sett ta’ regoli aġġornati u li faċli li jiġu segwiti għandu jiżgura li l-impjegati u l-impjegaturi fl-Ewropa ma jiffaċċjawx tassazzjoni multipla jew in-nontassazzjoni mhux intenzjonata għaliex ikunu qed jaħdmu minn pajjiż ieħor.

“Ninsabu f’dinja ġdida, u n-nies iridu jaħdmu b’mod differenti. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ xogħol aktar flessibbli u sitwazzjonijiet ta’ telexogħol transfruntier,” qal ir-relatur Krister Andersson. “Iżda din il-paradigma ġdida toħloq ukoll sfidi serji għas-sistemi ta’ tassazzjoni internazzjonali u għal suq uniku Ewropew effiċjenti”. Fost miżuri oħra, il-KESE jipproponi li jinħoloq punt uniku ta’ servizz, bħal fil-każ tal-VAT, fil-livell Ewropew. L-impjegatur ikollu jirrapporta l-għadd ta’ jiem ta’ li t-teleħaddiema jkunu ħadmu fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u fil-pajjiż fejn jinsab l-impjegatur. B’din l-informazzjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jivvalutaw f’liema pajjiż ikun taxxabbli d-dħul, jew liema parti mid-dħul ikun taxxabbli f’kull pajjiż. Is-Sur Andersson jirrimarka li “Din is-sistema tippermetti lill-impjegati u lill-impjegaturi biex inaqqsu t-tilwim dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri u fl-istess ħin tiżgura li t-taxxi jiġu imposti b’mod korrett mingħajr ma jkun meħtieġ li l-individwu jissottometti formoli f’aktar minn pajjiż wieħed”. (tk)