Bente Sorgenfrey: Niffoka fuq dak li hu essenzjali f’ħajti

Meta fil-11 ta’ Marzu faqqgħet il-kriżi tal-coronavirus fid-Danimarka, jien u l-kollegi tiegħi konna mħabbtin niżguraw li l-membri tagħna setgħu jaffrontaw il-konfinament bl-aħjar mod possibbli. Ħafna impjegati kellhom jaħdmu mid-dar, oħrajn f’sitwazzjonijiet stressanti fl-isptarijiet, fid-djar tal-kura tal-anzjani u fis-settur tas-servizzi, li baqgħu miftuħa matul il-kriżi. Tweġibiet ċari u kooperazzjoni mill-qrib mal-kollegi kienu bżonjużi. 

Bħala l-Viċi President tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, kelli bżonn ukoll naħdem ma’ kollegi f’pajjiżi oħra. Kont sodisfatta ħafna meta fl-14 ta’ Marzu l-Gvern Daniż u l-imsieħba soċjali kkonkludew ftehim tripartitiku dwar kumpens temporanju għall-pagi. Il-ftehim ikopri lill-impjegati li jaħdmu ma’ kumpaniji privati li qegħdin isofru minn diffikultajiet finanzjarji partikolari minħabba l-COVID-19.

Il-kumpaniji użaw l-iskema l-ġdida ta’ kumpens għall-pagi fejn għażlu li jirrinunċjaw il-mekkaniżmi eżistenti għat-tkeċċijiet temporanji mingħajr paga tal-ħaddiema. Ġew stabbiliti skemi ta’ appoġġ għan-negozji ż-żgħar, għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema indipendenti. Xi partijiet mill-ftehim dalwaqt jiskadu u attwalment qegħdin ninnegozjaw ftehim ġdid sabiex il-ħaddiema jibqgħu jiġu protetti.

Jien stess qed naħdem mid-dar u malajr sirt nuża’ b’mod eċċellenti l-għodod virtwali l-ġodda. Dan iż-żmien id-dar seta’ kien stressanti ħafna minħabba l-inċertezza dwar il-futur, iżda fl-aħħar mill-aħħar ippermettieli niffoka kompletament fuq xogħli u kelli aktar ħin ma’ familti. Ninsab konvinta li dawn l-aħħar xhur ippermettewli u lill-kollegi tiegħi niffukaw aktar fuq il-missjoni ewlenija tagħna u kkontribwixxew għal dixxiplina akbar fil-laqgħat. Personalment dan kien ifisser ukoll li stajt nikkonċentra fuq dak li hu essenzjali f’ħajti.