Il-lockdown kien żmien mhux tas-soltu biex wieħed jifhem lilu nnifsu. Minn naħa waħda, kien qisu ħolma li saret realtà... li nibqa’ d-dar u jkolli ħin biżżejjed biex nagħmel dak kollu li dejjem xtaqt nagħmel, iżda li ma kellix ħin għalih. Min-naħa l-oħra, iġiegħlek tirrealizza kemm is-soċjalizzazzjoni hija importanti għan-nies - li jiltaqgħu, jitkellmu, imissu b’idejhom, jaraw bnedmin oħrajn fir-realtà u mhux fuq skrin. U kemm hu diffiċli li tgħix mingħajr dak kollu.

Din l-esperjenza tibdillek il-valuri ġġiegħlek taħseb b’mod differenti. Iżda turi wkoll mezzi ġodda ta’ kif naħdmu flimkien. Jista’ jkun li wara l-kriżi se jkollna aktar laqgħat online, li huma eħfef, iżda fl-istess ħin mhux daqstant jippermettulna noħorġu b’ideat ġodda bejnietna u niżviluppaw forom ġodda ta’ kooperazzjoni.

Diġà hemm u se jkun hemm aktar tagħlimiet għas-soċjetà tagħna. Mhux se nkun nista’ nsemmihom kollha, allura se nsemmi biss ftit fil-qasam li jien l-aktar familjari miegħu - il-persuni b’diżabilità.

Il-kriżi wriet kemm hi ħażina s-sitwazzjoni fiċ-ċentri tal-kura fit-tul. Ħafna nies b’diżabilità u ħafna nies anzjani sempliċiment mietu hemm u xi pajjiżi lanqas biss kienu jinkludu dawn l-imwiet fl-istatistika tagħhom dwar il-coronavirus. Ħamsin sena ilu, il-Kumitat tagħna fassal Opinjoni dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni tal-kura. Minn dak iż-żmien saru xi bidliet, imma l-kriżi wriet li għad fadal ħafna x’jeħtieġ nagħmlu.

Fl-istess ħin, ilna nitkellmu ħafna dwar sistemi t’appoġġ għall-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, iżda l-kriżi wriet li, minkejja l-miżuri kollha t’appoġġ, il-persuni b’diżabilità kienu fost l-ewwel gruppi li tilfu l-impjieg.

Kriżi hija opportunità fantastika biex tidentifika l-ħoloq l-aktar dgħajfa fil-katini t’appoġġ tagħna u issa huwa l-waqt biex nagħmlu ħilitna biex insaħħuhom.

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-kriżi kien u se jibqa’ jkun importanti ferm, peress li huma jinsabu l-eqreb għall-membri kollha tas-soċjetà. Il-persuni minn gruppi differenti jeħtieġu l-appoġġ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex joffru dak l-appoġġ.

Dawn l-organizzazzjonijiet jinsabu wkoll fl-aħjar post biex jidentifikaw x’tip ta’ għajnuna għandhom bżonn in-nies, u għalhekk huwa importanti immens li jiġu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Kif uriet l-esperjenza tagħna fil-qasam tad-diżabilità, kien wisq approċċi differenti. Xi pajjiżi inkludew l-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità f’korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet governattivi (l-Italja), u xi wħud tawhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom f’livell għoli ħafna (Spanja), iżda f’xi oħrajn dawn l-organizzazzjonijiet sempliċiment intesew (il-Latvja). U dan juri kemm il-gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej differenti jagħtu importanza liċ-ċittadini differenti tagħhom.