European Economic
and Social Committee
Ir-riforma tas-suq tal-elettriku: nilliberalizzaw fejn possibbli, nirregolaw fejn meħtieġ
minn Jan Dirx
Ir-riforma tas-suq tal-elettriku tal-UE għandha tkun ibbażata fuq mudell ibridu li jgħaqqad il-forzi tas-suq mal-ġestjoni mmexxija mill-gvern, minħabba li l-enerġija mhijiex komodità bħall-oħrajn.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ilu għal xi żmien jappella għal riforma tas-suq tal-elettriku tal-UE. Ir-riskji li għalihom huwa espost is-suq tal-elettriku tal-UE huma, fil-prattika, fil-biċċa l-kbira mgħoddija lill-konsumaturi u lin-negozji. Wara li r-Russja bdiet il-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna, il-prezzijiet tal-enerġija, li kienu diġà ilhom jogħlew mill-2021, għolew saħansitra aktar malajr. Il-gwerra kellha impatt kbir fuq l-ispiża tal-fjuwils fossili – b’mod partikolari l-gass, li jintuża biex jiġġenera ħafna elettriku – u dawk iż-żidiet fil-prezzijiet ġew mgħoddija lill-konsumaturi finali fil-kontijiet tagħhom.
Dawn l-iżviluppi wasslu biex il-Kummissjoni Ewropea tipproponi riforma tas-suq tal-elettriku tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi li l-proposta tal-Kummissjoni tieħu xi passi sinifikanti, iżda ma jqishomx biżżejjed.
Il-Kumitat għalhekk iressaq numru ta’ proposti għal riforma estensiva. Il-prinċipju ewlieni għall-Kumitat huwa li l-enerġija m’għandhiex tiġi ttrattata bħala komodità tipika; hija pedament kruċjali fis-sistema ekonomika u soċjali tagħna, u għalhekk hija element ċentrali fil-forniment tas-servizz pubbliku. Għalhekk, hemm bżonn li jinħoloq qafas regolatorju għall-enerġija futura li jiggarantixxi kemm provvista tal-enerġija li tirrispetta l-ambjent, affordabbli u affidabbli kif ukoll id-dritt għall-enerġija. Dan il-qafas ser ikun mudell ibridu ta’ forzi tas-suq u ġestjoni immirata mmexxija mill-gvern, bil-motto “nilliberalizzaw fejn possibbli, nirregolaw fejn meħtieġ”.
Fil-proposta tal-Kumitat, il-qalba ta’ dan il-mudell hija “faċilità elettronika” stabbilita mill-gvern li tixtri l-elettriku mill-produtturi u tbigħu lill-fornituri tal-klijenti domestiċi, l-SMEs, il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini u konsumaturi kbar, u fejn adegwat u possibbli lil pajjiżi oħrajn.
Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel is-suq tal-elettriku aktar iċċentrat fuq il-konsumatur, iżda jemmen li seta’ sar aktar f'dan ir-rigward. Pereżempju, fil-fehma tiegħu, is-suq għandu jiġi organizzat biex jiġi żgurat li l-konsumaturi u parteċipanti żgħar oħra fis-suq li jiġġeneraw l-elettriku tagħhom stess ikunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista’ jkun mill-elettriku li jiġġeneraw huma stess, anke jekk jitfgħuh fil-grilja. Mod ieħor aktar ġust kif il-produtturi żgħar jingħataw din l-opportunità hija l-idea tagħna ta’ “bank tal-elettriku”, eżempju li jista’ jiġi kkunsidrat u żviluppat aktar.
Fl-aħħar, il-Kumitat jindika li s-suq tal-elettriku huwa f’nofs bidla ta’ paradigma u bla dubju ser ikollu bżonn jiġi riformat aktar fis-snin li ġejjin.