Minn Oleksandra Matviichuk
Bħala avukat tad-drittijiet tal-bniedem, ilni niddokumenta d-delitti li twettqu f’din l-gwerra minn meta r-Russja bdiet dan il-kunflitt fl-2014, sabiex illum jew għada l-awturi kollha jiġu kkastigati. Bħala bniedem, madankollu, nifhem li ma nistgħux nistennew sa dakinhar biex inwaqqfuhom. Huwa għalhekk li jien favur bidu rapidu għall-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna fin-NATO.
l-għadd ta’ delitti tal-gwerra li osservajna m’għandux preċedent. It-truppi Russi deliberatament qerdu bini residenzjali, knejjes, skejjel u sptarijiet, attakkaw kurituri ta’ evakwazzjoni, ħolqu sistema ta’ kampijiet ta’ filtrazzjoni, organizzaw deportazzjonijiet furzati, wettqu ħtif, stupru u tortura, u qatlu persuni ċivili fiż-żoni okkupati.
Din mhix gwerra bejn żewġ stati. Din hija gwerra bejn żewġ sistemi – awtoritarjaniżmu u demokrazija. Ir-Russja qed tipprova turi li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huma valuri foloz. Jekk huma ġenwini, għaliex ma jistgħu jipproteġu lil ħadd? Għaliex is-sistema internazzjonali kollha tal-paċi u s-sigurtà ma tistax twaqqaf l-atroċitajiet Russi? Għaliex jien, avukat tad-drittijiet tal-bniedem li ilni nipprattika l-liġi għal ħafna snin biex nipproteġi lin-nies, issa mġiegħla nwieġeb il-mistoqsija: “kif nistgħu ngħinu biex nipproteġu lin-nies mill-aggressjoni Russa” billi ngħid “infornu lill-Ukrajna b’armi moderni”?
Għaliex sa issa, il-liġi mhux tiffunzjona. Għalkemm fiduċjuża li din hija biss sitwazzjoni temporanja.
Għal għexiren ta’ snin, il-militar Russu wettaq reati internazzjonali fiċ-Ċeċenja, il-Moldova, il-Georgia, il-Mali, il-Libja u s-Sirja. Dawn qatt ma ġew ikkastigati għal dak li wettqu.
Irridu nkissru dan iċ-ċirku ta’ impunità. Irridu nwaqqfu tribunal speċjali dwar id-delitt ta’ aggressjoni minn issa u nżommu lil Putin, Lukashenko u lil kull min hu ħati responsabbli ta’ dan ir-reat.
Iva, dan huwa pass tabilħaqq kuraġġuż, iżda huwa ġust li nagħmlu hekk.
Madankollu, għalkemm bħala avukat tad-drittijiet tal-bniedem, kont qed niddokumenta delitti tal-gwerra sabiex xi darba l-kriminali Russi kollha jinżammu responsabbli, bħala bniedem nifhem li ma nistgħux nistennew sa dakinhar biex intemmu dawn id-delitti. Huwa għalhekk li nargumenta kif ġej:
Sakemm l-Ukrajna tibqa’ vulnerabbli, is-sistema ta’ sigurtà Ewro-Atlantika kollha kemm hi tibqa’ vulnerabbli. Minflok is-sħubija fin-NATO, xi politiċi qed jitkellmu dwar xi assigurazzjonijiet ta’ sigurtà, li fir-realtà lanqas ma jistgħu jiġu assimilati mal-Artikolu 5 tat-Trattat tan-NATO. Kif jistgħu assigurazzjonijiet separati jiggarantixxu s-sigurtà ta’ pajjiż tant kbir, li ma jistax jiġi kopert b’tarka waħda mill-missili Russi? U kemm se jiswew, f’perspettiva fit-tul, speċjalment minħabba l-konsegwenzi diretti tan-nuqqas ta’ sigurtà bħall-“kriżi tal-ikel”? Dawn il-garanziji partikolari jippermettulna niksbu s-sostenibbiltà, jekk dak li qed jinbena mill-ġdid illum jista’ jerġa’ jinqered għada? Jew biex niggarantixxu s-sigurtà għal miljuni ta’ refuġjati Ukreni biex jirritornaw l-Ukrajna?
L-Ukrajna jixirqilha li tkun membru tan-NATO. L-Ukrajna tikkondividi l-valuri tal-libertà u d-demokrazija u hija lesta li tiddefendihom. L-Ukrajna mhux se tkun biss benefiċjarju, iżda kontributur b’saħħtu għas-sigurtà tal-Alleanza. Dawn mhumiex wegħdi; dan huwa fatt ippruvat fuq il-kamp tal-battalja. L-Ukrajna se ssaħħaħ aktar lin-NATO.
Il-bidu tal-adeżjoni effettiva tagħha fl-Alleanza huwa mod kif intemmu l-gwerra u mhux inkabbruha. Għax l-“inċertezza strateġika” dejjem se sservi ta’ raġuni biex ir-Russja tkompli tattakka lill-Ukrajna.
Il-poplu fl-Ukrajna qed jistenna riżultati konkreti mis-summit tan-NATO fil-11 u t-12 ta’ Lulju f’Vilnius. Iż-żmien biex nassiguraw li l-bieb għan-NATO huwa miftuħ għadda. Issa huwa ż-żmien li nieħdu d-deċiżjonijiet li se jagħtu bidu għall-proċess tal-adeżjoni tal-Ukrajna fin-NATO.
Ir-Russja minn dejjem kienet proattiva. Ir-Russja użat il-gwerer u l-okkupazzjoni ta’ territorji barranin biex tqiegħed lill-komunità internazzjonali quddiem fatt imwettaq u ġġegħilha tħabbat wiċċha mar-realtà l-ġdida. Il-pajjiżi demokratiċi li jipparteċipaw fin-NATO għandhom finalment jieħdu l-inizjattiva biex jibdew imexxu dan il-proċess. Is-sigurtà ħadnieha bħala fatt għal wisq żmien. Jenħtieġ li nassumu r-responsabbiltà għall-futur komuni tagħna.
Inqas