Il-KESE jiddeskrivi l-proposti tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Istati Membri u fl-UE kemm bħala kemm f’waqthom kif ukoll meħtieġa, iżda jitlob li jittieħdu passi addizzjonali. Hija meħtieġa azzjoni biex jittejbu l-konsultazzjonijiet nazzjonali mal-imsieħba soċjali, il-kopertura tan-negozjar kollettiv nazzjonali u Ewropew u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet mal-imsieħba soċjali

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqa’ l-inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni Ewropea li ssaħħaħ u tippromovi d-djalogu soċjali fl-UE. Madankollu, huwa rrimarka dwar xi kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati sabiex jiġi żgurat li d-djalogu soċjali ikun sinifikattiv u effettiv fil-livell nazzjonali u Ewropew.

Fl-Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f’April, il-KESE analizza l-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istess suġġett.

Il-KESE wissa li l-kisba ta’ riżultat pożittiv mid-djalogu soċjali m’għandhiex tittieħed bħala fatt u rrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tħares lejn mudelli nazzjonali, reġjonali u settorjali li rnexxu u tara għalfejn kellhom suċċess.

“Fl-ambizzjoni tagħha biex issaħħaħ id-djalogu soċjali, l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija milqugħa b’mod pożittiv. Fl-istess waqt, l-Opinjoni tagħna tirrakkomanda passi ulterjuri, pereżempju fejn jidħol it-titjib tad-djalogu soċjali tripartitiku fil-livell nazzjonali, it-titjib tal-kopertura tan-negozjar kollettiv, u l-użu ta’ direttivi tal-Kunsill biex jiġu żviluppati regoli ċari għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet mal-imsieħba soċjali,” qal ir-relatur tal-Opinjoni, Pekka Ristelä.

Fil-fehma tal-KESE, djalogu soċjali effettiv irid jinkludi msieħba soċjali rappreżentattivi u leġittimi b’għarfien, kapaċità teknika u aċċess f’waqtu għal informazzjoni. Jirrikjedi wkoll ir-rieda u l-impenn politiku biex wieħed jinvolvu ruħu. Huwa meħtieġ ir-rispett għad-drittijiet u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, bħad-dritt tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, kif ukoll qafas legali u istituzzjonali abilitanti.

“Aħna nemmnu li r-Rakkomandazzjoni proposta hija strument adatt għall-appoġġ tal-proċess jekk tistipula dispożizzjonijiet ċari u effettivi ta’ monitoraġġ proposti inizjalment mill-Kummissjoni. Mid-diskussjoni bejn l-Istati Membri nifhmu li din tidher li hija problema mill-bidu nett. It-test finali tar-Rakkomandazzjoni ser ikun eżami deċiżiv għar-rieda politika ġenwina biex jissaħħaħ verament il-proċess,” qalet il-korelatur, Maryia Mincheva.

Sabiex jirribatti l-fatt li f’xi Stati Membri djalogi soċjali tripartitiċi huma iktar kwistjoni tal-għamla tagħhom milli s-sustanza li jkun fihom, il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit qafas komuni effettiv sabiex l-imsieħba soċjali jiġu involuti fil-livell nazzjonali. Jekk l-imsieħba soċjali mhumiex involuti b’mod sinifikattiv, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiegħu azzjoni.

Il-KESE nnota li d-djalogu ċivili, li jinvolvi firxa usa’ ta’ partijiet interessati u suġġetti, huwa proċess separat. Din id-distinzjoni għandha ssir ukoll fl-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet għall-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. (ll)