Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-moviment tad-diżabilità, il-Karta Ewropea tad-Diżabilità se tippermetti lill-persuni b’diżabilità jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà tal-moviment fl-UE bl-istess mod bħall-persuni mingħajr diżabilità.

Il-KESE laqa’ l-inizjattiva biex tiġi introdotta Karta Ewropea tad-Diżabilità, li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tgħin lil persuni b’diżabilità jiċċaqalqu u jgħixu b’mod liberu fl-Unjoni Ewropea.

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f'April, il-KESE madankollu wissa li s-suċċess tal-karta se tiddipendi fuq l-għarfien reċiproku tal-istatus ta’ diżabilità bejn il-pajjiżi tal-UE, li bħalissa mhuwiex il-każ u li b’hekk ixekkel lill-persuni b’diżabilità milli jkollhom aċċess għal miżuri ta’ appoġġ meta jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra. Dan huwa ksur fundamentali tal-libertà tal-moviment tagħhom, li hija valur ewlieni tal-UE.

Ir-relatur għall-Opinjoni, Ioannis Vardakastanis, qal: “Bħalissa għandna ċittadini Ewropej tal-ewwel u tat-tieni klassi, l-ewwel klassi huma dawk li jistgħu jiċċaqalqu min Stat Membru għal ieħor biex jivvjaġġa, jaħdem jew jistudja jew biex imur jgħix, u tat-tieni klassi huma dawk li ma jistgħux. Il-Karta Ewropea tad-Diżabilità se telimina dawn l-ostakli,”

Il-KESE jirrimarka fl-Opinjoni li l-Karta Ewropea tad-Diżabilità kienet prijorità għolja għall-moviment tad-diżabilità u hija xi ħaġa li ilhom jitolbu għaliha. Huwa rakkomandat li l-karta tiġi stabbilita permezz ta’ regolamentazzjoni, peress li dan huwa strument iktar adatt li jista’ jiżgura l-applikazzjoni konsistenti u universali tagħha u jiġu evitati differenzi fl-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

Għandhom jittieħdu miżuri komplementarji li jiżguraw li t-trasport, is-servizzi u l-bini jkunu aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li d-data personali fil-karta tkun protetta mir-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data. B’dan il-mod, il-karta tiffunzjona bħala Passaport Ewropew tad-Diżabilità.

Fil-fehma ta-KESE, il-karta se ġġiegħel lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi attwali li huma bbażati primarjament fuq approċċ mediku għad-diżabilità u jallinjawhom ma’ mudelli li jirrispettaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tan-NU (UNCRPD).

Sabiex jiġi żgurat li din il-karta tirnexxi, il-KESE appella għall-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità u tal-organizzazzjonijiet tagħhom fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tagħha u matul il-proċess ta’ monitoraġġ.

Talba oħra hija għas-separazzjoni fiżika tal-Karta Ewropea tad-Diżabilità mill-Karta tal-UE għall-Parkeġġ. Dan jagħmilha aktar faċli għall-persuni b’diżabilità biex jinnavigaw is-sistemi tat-trasport u jaċċessaw is-servizzi pubbliċi. (ll)