mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Studju ġdid tal-KESE dwar “The implications of COVID-19 on fundamental rights and civic space” (L-implikazzjonijiet tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-ispazju ċiviku), li ntalab mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE, janalizza kif il-pandemija tal-COVID-19 laqtet il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kif il-miżuri implimentati kellhom impatt fuq il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tagħhom.

Skont Filip Pazderski, awtur ewlieni tal-istudju, dawn huma s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-istudju:

L-ewwel u qabel kollox, il-pandemija kellha impatt eteroġenju u kumpless fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minn naħa waħda, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili spiss kienu l-ewwel li organizzaw mill-ġdid l-attivitajiet tagħhom, u b’hekk wieġbu aktar malajr mill-amministrazzjonijiet pubbliċi jew min-negozji għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali. Meta mexxew l-operazzjonijiet tagħhom online, dan aċċellera d-diġitalizzazzjoni. Dan kollu ppermetta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jilħqu udjenzi ġodda u jżidu l-effiċjenza u l-ambitu tal-attivitajiet tagħhom. Il-bini ta’ koalizzjonijiet, it-trawwim tal-iskambju ta’ esperjenzi u l-istabbiliment ta’ pożizzjonijiet pubbliċi komuni saru aktar faċli. B’riżultat ta’ dan żdiedet il-viżibilità soċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u issa hemm fehim aħjar tar-rwol tagħhom ta’ kuljum.

Min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ntlaqtu ħafna mill-kriżi tas-saħħa li għadha għaddejja. Id-diffikultajiet finanzjarji kienu l-aktar effett akut. B’mod partikolari, entitajiet iżgħar li joperaw barra bliet kbar u li jlaqqgħu flimkien gruppi aktar esklużi diġitalment ġew imġiegħla jissospendu ħidmiethom. Ħafna minnhom għadhom ma reġgħux bdew l-operazzjonijiet sal-lum. L-attivisti kellhom jiffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali, għeja minħabba li ħadmu mill-bogħod u inċertezza dejjem akbar dwar il-futur, aggravati minn iżolament soċjali fit-tul. Ta’ spiss kien diffiċli li jinżamm il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol minħabba sigħat ta’ xogħol irregolari.

Il-pandemija enfasizzat jew saħħet problemi li kienu diġà jeżistu. Il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw ġiet imxekkla minn leġiżlazzjoni straordinarja, peress li din il-leġiżlazzjoni naqqset it-trasparenza tal-gvernijiet, xekklet is-sorveljanza ta’ ħidmiethom u rrestrinġiet il-libertà ta’ għaqda u ta’ espressjoni. Dawn ir-restrizzjonijiet u t-tnaqqis seħħew bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-pandemija. L-istandards tad-djalogu ċivili fit-tfassil tal-liġijiet tbaxxew. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili spiss lanqas biss ġew inklużi fil-konsultazzjoni tal-liġijiet li jindirizzaw l-impatt tal-kriżi. 

Biex nirrispondu għal dawn l-isfidi, jeħtieġ li nipprovdu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’finanzjament aktar flessibbli u aċċessibbli, niżguraw il-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom fil-monitoraġġ tal-fondi tal-UE, nadottaw l-Istrateġija tas-Soċjetà Ċivili tal-UE li tenfasizza r-rwol tas-settur, nimmonitorjaw u nirrispondu b’mod kostanti għal attakki fuq atturi ċiviċi u nipprovdu qafas aktar strutturat għal djalogu ċivili tal-UE miftuħ, regolari u trasparenti. Dawn mhumiex ideat ġodda, iżda l-pandemija tathom tifsira ġdida. Barra minn hekk, ir-rwol li qdew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċvili u l-viżibilità li kisbu fl-aħħar jistgħu jgħinu jpoġġu dawn l-ideat fil-prattika.

L-istudju finali ġie ppreżentat waqt il-Jiem tas-Soċjetà Ċivili f’Marzu. Hawn aktar informazzjoni hawnhekk