European Economic
and Social Committee
Inħallu l-għoqda tal-ġungla regolatorja: l-azzjoni tal-UE dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi għandha tgħin biex jiġi assigurat xogħol ġust u sikur għal kulħadd
Il-KESE laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Huwa faħħar l-inizjattiva bħala pass tant meħtieġ lejn l-istabbiliment ta’ kriterji ċari u definiti sew għall-klassifikazzjoni tar-relazzjonijiet tal-impjieg u għar-regolamentazzjoni tal-użu tal-algoritmi fir-reklutaġġ u l-impjegar ta’ ħaddiema fuq il-pjattaformi.
Il-KESE qal li kien ġustifikat l-użu ta’ strument legali vinkolanti, direttiva, sabiex jiġi regolat ix-xogħol fuq il-pjattaformi, billi d-diversità kbira ħafna bejn kundizzjonijiet tax-xogħol u l-liġijiet f’kull Stat Membru sikwit twassal għat-trattament ħażin tal-ħaddiema fuq il-pjattaformi u fi standards għall-protezzjoni tal-ħaddiema dejjem jonqsu fil-livell nazzjonali u tal-UE. L-Opinjoni ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE f’Marzu, b’149 vot favur, 80 vot kontra u 17-il astensjoni.
Ir-relatur għall-Opinjoni, Cinzia del Rio, qalet: Naraw eżempji ċari ta’ diskriminazzjoni u trattament mhux ugwali tal-ħaddiema fuq il-pjattaformi madwar l-UE. Is-sitwazzjoni fl-Istati Membri hija estremament diversa – hija ġungla regolatorja li jeħtieġ li tinħall. Id-direttiva proposta għandha l-għan li tipprovdi qafas regolatorju flessibbli, li jista’ jiġi adattat fil-livell nazzjonali u li jqis id-disparitajiet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies.
Il-kwistjoni l-iktar importanti hija bla dubju l-klassifikazzjoni legali tar-relazzjoni tal-impjieg u d-distinzjoni ċara tagħha minn impjieg indipendenti ġenwin. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġi identifikat b’mod ċar l-impjegatur legalment responsabbli, kemm biex jiġi żgurat il-ħlas xieraq tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali kif ukoll biex ikun jista’ jsir negozjar kollettiv. Fil-fehma tal-KESE, madankollu, it-test tal-proposta tal-Kummissjoni huwa wisq ġeneriku u vag dwar din il-kwistjoni, kif ukoll dwar għadd ta’ punti oħrajn, bħad-dritt kemm tal-ħaddiema kif ukoll tar-rappreżentanti tal-unions għal informazzjoni u konsultazzjoni.
Dawn l-inċertezzi legali f’xi sitwazzjonijiet jistgħu jiffavorixxu l-ħolqien u l-proliferazzjoni ta’ forom ta’ xogħol mhux iddikjarati u sitwazzjonijiet deplorabbli ta’ sfruttament u kompetizzjoni bejn il-ħaddiema stess, li jistgħu jkunu taħt xi prattiki ta’ sottokuntrattar illegali
, qal il-KESE.
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE ressaq kontroopinjoni, li kisbet aktar minn 30% tal-voti mitfugħa u ġiet ippubblikata bħala Appendiċi għall-Opinjoni adottata. Il-Grupp ta’ Min Iħaddem oppona l-użu ta’ direttiva li tirregola x-xogħol fuq il-pjattaformi, bil-biża’ li tali leġiżlazzjoni vinkolanti tkun tirrappreżenta soluzzjoni “waħda tajba għal kulħadd”. Dan jista’ jsir ostaklu għall-innovazzjoni u l-investiment fit-twaqqif u l-iżvilupp tal-pjattaformi diġitali fl-UE.
Ma jaqblux ukoll dwar l-introduzzjoni ta’ definizzjoni legali tal-UE dwar min hu ħaddiem u minn hu impjegat indipendenti fuq il-pjattaformi, billi ma tkunx tista’ tirrispetta l-mudelli differenti użati fil-pajjiżi differenti jew iżżomm il-pass ma’ żviluppi dinamiċi li jseħħu fis-swieq tax-xogħol. (ll)