F’dibattitu mal-Ministru għax-Xogħol tal-Italja li ġie organizzat fit-22 ta’ Marzu, il-KESE appoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza fi sforz biex jitneħħew il-prattiki ta’ diskriminazzjoni fis-swieq tax-xogħol tal-UE.

Iż-żewġ naħat sostnew li huma jikkondividu l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza sabiex tiżdied l-effikaċja tagħhom. Il-proposta ġiet ippreżentata minħabba li l-miżuri leġiżlattivi attwali dwar l-ugwaljanza ma rnexxilhomx jinfurzaw b’mod adegwat il-liġi tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-trattament mhux ugwali u d-diskriminazzjoni.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-tisħiħ tar-rwol u tal-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja wara d-dibattitu, il-KESE jenfasizza l-importanza li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà u li jiġu stabbiliti standards vinkolanti sabiex il-korpi tal-ugwaljanza jsiru aktar b’saħħithom u effiċjenti – pożizzjoni li ġiet mtennija mill-Ministru Taljan waqt id-dibattitu.

“Il-parteċipazzjoni ta’ gruppi differenti fis-suq tax-xogħol mhijiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja. Hija tagħmel sens kbir minn perspettiva ekonomika u soċjali. Madankollu, il-Kumitat għadu mħassab dwar il-fatt li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-inuwgwaljanza għadha mhijiex uniformi fl-Unjoni, u jappoġġja l-mekkaniżmi b’saħħithom għall-monitoraġġ tagħhom, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza,” qalet il-President tal-KESE Christa Schweng.

Il-Ministru Calderone qalet li l-gvern tagħha jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni, madankollu hija enfasizzat li huwa importanti li tiġi żgurata l-konsistenza mas-sistemi nazzjonali u mal-korpi li diġà jeżistu, bħall-kunsilli dwar l-ugwaljanza fl-Italja li jissalvagwardjaw l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali u dak reġjonali.

“L-inklużjoni li qed niddiskutu dwarha llum trid tibqa’ fil-qalba tal-aġenda soċjali Ewropea, fuq bażi ugwali mad-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar ir-riforma tal-governanza ekonomika u finanzjarja tal-UE. Nafu kemm għadu diffiċli li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs b’mod effettiv fis-suq tax-xogħol. Ċerti gruppi soċjali għadhom jaffaċċjaw ostakli enormi biex jaċċessaw is-swieq tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali”, qalet is-Sinjura Calderone.

Il-Ministru enfasizzat li d-differenza bejn il-ġeneri fir-rati tal-impjieg għadhom ’il fuq minn 10 % fil-livell tal-UE. Ma hemmx pajjiż wieħed fl-UE fejn din id-differenza bejn il-ġeneri – għad-detriment tan-nisa kullimkien – ma teżistix. Il-gradwati żgħażagħ ukoll isibuha diffiċli biex isibu impjieg. Il-persuni b’diżabilità u l-migranti legali u r-refuġjati għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni meta jfittxu impjieg jew jippruvaw iżommu impjieg. (ll)