Matul l-ewwel miżuri ta’ lockdown b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, l-għadd ta’ teleħaddiema sploda minn 5 % għal 40 % tal-forza tax-xogħol fl-UE. Sena wara, filwaqt li t-telexogħol baqa’ għaddej, għad hemm diffikultà biex issir valutazzjoni xierqa tal-impatt tiegħu fuq l-impjegaturi, l-impjegati u s-soċjetà kollha kemm hi. Il-KESE jindika l-ħtieġa għal aktar riċerka u għal perspettiva fit-tul, bil-ħsieb li jiġu sfruttati l-benefiċċji u jittaffew ir-riskji ta’ din il-forma ta’ xogħol.

Minkejja l-opportunitajiet ovvji li joffri kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem, bħal produttività akbar, arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli u awtonomija akbar, it-telexogħol xorta jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-ħajja tax-xogħol u dik privata taċ-ċittadini. Matul il-pandemija, il-linja bejn it-tnejn xi drabi ma kinitx ċara, b’ammont eċċessiv u ħinijiet itwal ta’ xogħol, u ħin ta’ mistrieħ insuffiċjenti.

Peress li t-telexogħol sar parti minn kultura ta’ attività kontinwa, fejn ħafna ħaddiema jsibuha diffiċli jiskonnettjaw, it-telexogħol jista’ jkollu effetti fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-popolazzjoni u l-benesseri tagħha. F’żewġ Opinjonijiet dwar it-telexogħol adottati fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) innota li n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-aspetti negattivi tat-telexogħol, peress li jaħdmu mid-dar aktar ta’ spiss u jkollhom jikkombinaw ix-xogħol mal-faċendi tad-dar.

Iċ-ċifri pprovduti minn studju mwettaq mill-Eurofound urew li 30 % tat-teleħaddiema “regolari” ħadmu fil-ħin liberu tagħhom ta’ kuljum, jew bosta drabi fil-ġimgħa, u madwar 20 % ħadmu aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa. Madwar 40 % tat-teleħaddiema “regolari” kellhom inqas minn 11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum.

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji u jiġu amplifikati l-benefiċċji tat-telexogħol fi żminijiet ta’ wara l-pandemija, il-KESE qed jappella lill-imsieħba soċjali fl-Istati Membri biex ifasslu regoli apposta għal kull pajjiż, u għal kull sitwazzjoni speċifika tas-setturi u l-kumpaniji, fil-qafas tad-djalogu soċjali eżistenti u s-sistemi ta’ negozjar kollettiv.

It-telexogħol għandu jkun regolat b’mod xieraq; hawnhekk huwa importanti li jiġi żgurat li jkun riversibbli ladarba l-kriżi tal-COVID-19 tasal fi tmiemha, u li jibqa’ volontarju. It-teleħaddiema għandu jkollhom l-istess drittijiet individwali u kollettivi u l-istess ammont ta’ xogħol bħall-kollegi tagħhom li jaħdmu fil-bini tal-impjegaturi tagħhom. Il-KESE qal li l-arranġamenti tat-telexogħol għandhom jiġu stabbiliti bil-miktub, filwaqt li jiggarantixxu trattament ugwali u kundizzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà ugwali fuq il-post tax-xogħol.

“It-telexogħol se jkun karatteristika tas-swieq tax-xogħol futuri, iżda ma nistgħux nippermettu li dan iwassal għal rigress soċjali u l-iżolament tal-ħaddiema. Dan jista’ jgħin liċ-ċittadini jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali ma’ dik personali, iżda ma nistgħux nippermettu kwalunkwe diskriminazzjoni jew differenza fit-trattament bejn dawk li jaħdmu d-dar u dawk li jiddeċiedu li jmorru fl-uffiċċju,” qal ir-relatur tal-Opinjoni dwar L-isfidi tat-telexogħol, Carlos Manuel Trindade.

Il-KESE nnota li minħabba l-fatt li dan il-mod ta’ ħidma qed jinfirex malajr, u fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija, il-ftehimiet eżistenti tal-UE li jkopru t-telexogħol għandhom jiġu vvalutati biex ikun żgurat li dawn jibqgħu effettivi fiċ-ċirkostanzi l-ġodda.

Il-Ftehim Qafas dwar it-Telexogħol tal-2002 u dak dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-2020, iffirmati mill-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE, huma partikolarment rilevanti. Dawn għandhom jitqiesu mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali meta jfasslu l-oqfsa nazzjonali għall-kumpaniji u l-ħaddiema li jużaw din il-forma ta’ xogħol.

Barra minn hekk, inizjattiva Ewropea tista’ potenzjalment titnieda taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u/jew fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġi protett u implimentat id-dritt għall-iskonnessjoni.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu wkoll mil-leġiżlazzjoni eżistenti, bħad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li hija applikabbli bis-sħiħ għat-telexogħol. Dawk id-Direttivi għandhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali u implimentati kif xieraq, peress li dan “bla dubju se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-teleħaddiema”.

l-KESE ġibed l-attenzjoni wkoll għar-riskju li t-telexogħol jintuża biex jiġi impost piż doppju ta’ xogħol bil-ħlas u mingħajr ħlas. Ix-xogħol tad-dar għadu mhux jinqasam b’mod ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, li fil-parti huwa piż li jinġarr min-nisa, u dan inaqqas il-kapaċità tagħhom li jkunu produttivi fix-xogħol bil-ħlas u jista’ wkoll idgħajjef il-prospetti professjonali tagħhom.

“Kemm is-soċjetà inġenerali, kif ukoll in-negozji jeħtiġilhom jagħmlu dak kollu possibbli biex iġibu fix-xejn dawn l-isterjotipi marbuta mal-ġeneru u jirrikonoxxu lin-nisa bħala ħaddiema fihom infushom lil hinn mill-ħafna rwoli u kwalitajiet oħra tagħhom. L-ispiża ekonomika u soċjali ta’ dawn il-preġudizzji għas-soċjetà hija kbira ħafna,” qalet ir-relatur tal-Opinjoni, Milena Angelova.

F’dan ir-rigward, il-KESE appella wkoll għal “Ftehim ta’ Kura għall-Ewropa”, filwaqt li enfasizza li infrastruttura u servizzi ta’ kura disponibbli, aċċessibbli u affordabbli għat-tfal, il-persuni bi bżonnijiet speċjali u l-anzjani huma prerekwiżit kruċjali ieħor għal telexogħol ugwali bejn il-ġeneri.