Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Marzu, il-KESE adotta Opinjoni li tipproponi arranġamenti u sytrumenti ta’ governanza aktar preċiżi u operattivi sabiex jiġi implimentat ir-regolament il-ġdid dwar il-batteriji bl-involviment tal-partijiet interessati kollha. Fil-fehma tal-KESE, dan jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ qafas tal-Unjoni li jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji fl-UE.

Fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Regolament dwar batteriji u l-iskart tal-batteriji. Il-proposta hija konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;, li jippromovi d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE sabiex tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050.

L-Opinjoni adottata mill-KESE tappoġġja l-miżuri stabbiliti fir-Regolament: bis-saħħa tal-istandards il-ġodda tagħha rigward batteriji, il-Kummissjoni se tippromovi wkoll fil-livell globali t-tranżizzjoni ekoloġika u tistabbilixxi pjan għal aktar inizjattivi li jaqgħu taħt il-politika tagħha favur prodotti sostenibbli.

Madankollu, fl-Opinjoni tiegħu l-KESE jappella għal strumenti u arranġamenti ta’ governanza aktar preċiżi u funzjonali sabiex jiġi implimentat ir-regolament il-ġdid, bil-partijiet interessati kollha involuti. Fi kliem ir-relatur, Bruno Choix: “Ir-regolament propost għandu l-għan li jiżviluppa qafas tal-Unjoni li jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji, inklużi regoli armonizzati u aktar ambizzjużi għall-batteriji, il-komponenti, l-iskart tal-batteriji u l-materjali riċiklati. Permezz ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni beħsieba tippromovi l-innovazzjoni kif ukoll l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-għarfien espert teknoloġiku tal-UE”.

Il-korelatur, Frank Uhlig, spjega li dan l-appoġġ jista’ jieħu diversi forom: “Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tal-batteriji, aħna nitolbu trasparenza sħiħa fl-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ monitoraġġ. Ir-riċiklaġġ, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-batteriji jgħinu biex tiġi żgurata l-katina tal-valur upstream. Huwa essenzjali l-appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp fuq l-ekodisinn”.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu indirizzati l-isfidi f’dan il-qasam billi jissaħħu r-rwol u r-riżorsi tal-ECHA (Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi) u tal-OSHA (Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol).

Il-KESE jipproponi li jiġi introdott il-kunċett ta’ “tmiem l-użu” li jikkomplementa dak ta’ “tmiem il-ħajja” sabiex jiġu promossi l-użu mill-ġdid, ir-rinnovazzjoni jew it-tieni ħajja u r-riċiklaġġ tal-batteriji.

Batteriji li jitqiegħdu fis-suq tal-UE għandhom isiru sostenibbli, ta’ prestazzjoni għolja u sikuri tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Dan ifisser batteriji li jiġu prodotti bl-inqas impatt ambjentali possibbli, bl-użu ta’ materjali miksuba f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ma’ standards soċjali u ekoloġiċi. Il-batteriji għandhom ikunu dejjiema u sikuri, u fi tmiem ħajjithom għandhom jingħataw skop ġdid, jiġu mmanifatturati mill-ġdid jew riċiklati, u b’hekk jerġgħu jiddaħħlu materjali ta’ valur lura fl-ekonomija. (ks)