European Economic
and Social Committee
“Niżguraw li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali żżid ir-reżiljenza, il-kompetittività u l-ġustizzja soċjali”
Mistoqsija tal-KESE Info: kif u sa meta tista’ tinkiseb it-trasformazzjoni għal industrija aktar ekoloġika, aktar ċirkolari u aktar diġitali, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni Ewropea? Xi rwol għandha l-materja prima f’dan il-proċess?
Pietro Francesco De Lotto, President tas-CCMI: kull darba li nitkellmu dwar rivoluzzjoni industrijali, kemm jekk tkun ir-raba’, il-ħames jew saħansitra s-sitt waħda, naraw dibattitu pubbliku. Minkejja fehmiet differenti dwar il-kwistjoni, ħaġa waħda hija ċerta, l-industrija tagħna għaddejja minn rivoluzzjoni profonda li trid tilħaq żewġ objettivi: dik li ssir aktar ekoloġika u aktar ċirkolari u dik li tikseb it-tranżizzjoni diġitali. Din hija rivoluzzjoni li hija xprunata minn diversi fatturi: l-opinjoni pubblika, is-sensittività tal-konsumatur, it-tfittxija tal-kompetittività globali u l-ħtieġa li x-xogħol jiġi adattat għal mudelli ġodda, eċċ.
Bħalma jiġi f’kull rivoluzzjoni, l-eżitu finali se jkun bidla radikali. Fil-każ tagħna, nittamaw li dan ifisser industrija Ewropea li ttrasformat l-ekoloġizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni f’vantaġġ kompetittiv fix-xena globali. Dan huwa proċess li diġà ilu għaddej għal diversi snin, iżda hemm bżonn li l-awtoritajiet pubbliċi jimmaniġġjaw din it-trasformazzjoni b’mod xieraq biex jiżguraw li l-benefiċċji tagħha jilħqu lil kull kumpanija, kull ħaddiem u kull reġjun tal-Ewropa.
Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli huma, b’mod ċar, pilastri ewlenin tal-azzjoni tal-UE, iżda jeħtieġ niżguraw li s-saffi kollha tas-soċjetà u tal-industrija jqisuhom bħala opportunità għall-futur, u mhux bħala piż. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa (inkluż l-aġġornament tagħha li jmiss), u l-attivitajiet u l-leġiżlazzjoni kollha relatati huma għodod essenzjali biex dawn id-dibattiti jissarrfu fil-ħajja ta’ kuljum fl-Ewropa kollha, mingħajr ma ħadd ma jitħalla jibqa’ lura f’dan l-isforz kollettiv.
Il-materja prima, u speċjalment il-materja prima kritika, tinsab fil-qalba ta’ dan il-proċess. Id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-industriji u s-soċjetà tal-UE jeħtieġu teknoloġiji, li min-naħa tagħhom jeħtieġu materja prima. Biex nagħtu eżempju: l-enerġija mir-riħ ġejja minn turbini li fihom, fost materjali oħrajn, elementi tal-art rari. L-UE tiddependi kważi 100 % fuq iċ-Ċina biex tforniha b’dawn l-elementi. L-istess xenarju jirrepeti ruħu għal ħafna teknoloġiji li huma essenzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, mill-batteriji għall-pannelli fotovoltajċi, mir-robotika għaċ-ċelloli tal-fjuwil. F’dawn l-aħħar xhur, l-importanza ta’ dawn il-punti kritiċi saret saħansitra aktar evidenti għall-pubbliku, peress li l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher il-ħtieġa li l-industrija tal-UE u s-soċjetà b’mod ġenerali jiksbu reżiljenza u awtonomija strateġika, inkluż f’oqsma bħat-tilqim, il-mediċini u l-apparat mediku.
Il-pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Materja Prima Kritika, li dan l-aħħar kien is-suġġett ta’ Opinjoni tas-CCMI/KESE, huwa strument effettiv li jgħaqqad is-soluzzjonijiet għan-nuqqasijiet attwali mat-tħejjija għall-problemi futuri possibbli.
Biex inwieġeb il-mistoqsija tiegħek b’mod aktar speċifiku: irridu naraw lill-industrija tal-UE tiffjorixxi b’mod ekoloġiku u diġitali, iżda ma rridux naraw lill-industrija u lis-soċjetà tagħna jimxu minn dipendenza waħda (pereżempju fuq ċerti fjuwils fossili) lejn dipendenza sħiħa oħra fuq ċerta materja prima kritika. Biex nevitaw dan, u biex niżguraw li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jsaħħu r-reżiljenza, il-kompetittività u l-ġustizzja soċjali, jeħtieġ li ninvestu fir-riċerka u l-iżvilupp, l-esplorazzjoni tal-estrazzjoni domestika sostenibbli, l-irkupru ta’ materjali ta’ valur mill-iskart u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd. Dawn huma miżuri essenzjali biex jiġi żgurat li r-rivoluzzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jirnexxu u jkunu ta’ benefiċċju għall-industrija u s-soċjetà tal-UE kollha kemm hi.