Sħana fil-Belt

B’kurżità biex jitgħallem dwar kif ir-residenti ta’ Ljubljana ħassewhom dwar is-sħana żejda f’belthom u b’riżultat tal-frustrazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet muniċipali biex jagħmlu xi ħaġa dwarha, l-istudio urban Prostorož nieda l-proġett Hot Spots u stieden liċ-ċittadini jidentifikaw l-aktar postijiet sħan tal-belt fuq mappa diġitali. B’sorpriża, il-proġett kellu rispons qawwi mir-residenti u l-midja, bi proposti konkreti dwar kif għandha tiġi indirizzata s-sħana urbana żejda. Zala Velkavrh minn Prostorož taqsam magħna s-sigriet tas-suċċess tal-proġett, kif ukoll il-pjani futuri tal-istudio.

EESC info: X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett jew l-inizjattiva tagħkom?

Zala Velkavrh: Nofs l-inizjattiva tagħna bdiet minħabba frustrazzjoni u n-nofs l-ieħor b’kurżità. Minkejja l-fatt li l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-effetti gżira ta’ sħana urbana kienu magħrufa tajjeb mill-gvern muniċipali, ma tantx ittieħdu miżuri. Min-naħa l-oħra, konna kurjużi biex naraw jekk u kif iċ-ċittadini ta’ Ljubljana esperjenzaw is-sħana urbana fis-sajf.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu? (Tistgħu ttuna xi eżempju, jekk għandkom?)

Ħloqna app sempliċi ħafna fuq l-internet u konna qed nistennew rispons limitat. Iżda b’sorpriża, ir-residenti ta’ Ljubljana kif ukoll il-midja wrew interess u ngħaqdu mal-inizjattiva. F’inqas minn tliet ġimgħat iċ-ċittadini żiedu 700 hot spot (postijiet jaħarqu fil-belt)!

Kif beħsiebkom tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna lill-komunità? Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?

Se ninvestuh lura fil-belt ta’ Ljubljana. Waħda miż-żoni fejn l-effett gżira ta’ sħana urbana huwa partikolarment problematiku hija ċ-ċentru kliniku universitarju, l-akbar ċentru mediku fil-pajjiż. B’kaġun tal-COVID-19, l-ispazju pubbliku madwar il-kliniċi għandu użu ġdid – sar spazju ta’ stennija, spazju fejn il-ħaddiema jqattgħu l-pawżi tagħhom u, fi żminijiet meta l-għadd ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19 kien aktar baxx milli hu fil-preżent, serva wkoll ta’ spazju fejn il-pazjenti ltaqgħu ma’ qrabathom. Irridu naħdmu mal-belt ta’ Ljubljana, rappreżentanti tal-kliniċi, pazjenti u ħaddiema mill-qasam tas-saħħa biex tal-inqas intejbu xi mikrospazji biex ikunu aktar friski.

X’parir tista’ tagħti lil organizzazzjonijiet oħrajn biex jiksbu r-riżultati f’attivitajiet u programmi ta’ dan it-tip?

Minflok nitkellmu dwar il-ġejjieni, ippruvajna nifhmu kif iċ-ċittadini qed jesperjenzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima fil-preżent. Użajna lingwaġġ komuni u ffukajna fuq l-esperjenza (ħajja) ta’ kuljum ta’ persuni bil-mixi, ċiklisti u utenti oħrajn tal-ispazji pubbliċi, u r-rispons kien tajjeb ħafna. It-tibdil fil-klima m’għadux theddida astratta.  

Kemm intom ottimisti dwar il-prospetti tal-UE biex tikseb il-miri tal-Patt Ekoloġiku?

Pessimisti ħafna, minħabba l-iżviluppi tas-sena l-ġdida fir-rigward tal-Enerġija Ekoloġika u l-fatt li l-ebda pajjiż tal-UE ma kiseb il-miri stabbiliti mill-Ftehim ta’ Pariġi.