The Grassroots View – Staġun 3 Episodju 16 – Aħdar, kemm inħobb l-aħdar

Tranżizzjoni ġusta u ekoloġika hija possibbli biss bil-kontribut tas-soċjetà ċivili. In-nies u l-organizzazzjonijiet madwar l-UE huma ddedikati għall-iżvilupp ta’ modi innovattivi u ffukati fuq in-nies għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fl-2021, il-KESE ddeċieda li jagħti l-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili lil ħames organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu bil-kbir biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima. F’dan l-episodju ta’ The Grassroots View (Il-fehma tal-organizzazzjonijiet lokali), stedinnihom biex jgħidulna l-istejjer tagħhom.

Lingwi Disponibbli:

Editorjal

KUN PARTI MIS-SOLUZZJONI, U MHUX PARTI MILL-PROBLEMA!

Għeżież qarrejja,

Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili l-iżjed reċenti kien iddedikat għal tema li huwa partikolarment importanti għalija – l-azzjoni klimatika.

Fil-qosor

Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2021 fil-midja

Hawnhekk hawn ġabra ta’ għadd ta’ titli li dehru fil-midja sal-lum dwar il-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2021.

Pubblikazzjonijiet Ġodda

Ara l-proġetti tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2021

Tista’ tara l-vidjo dwar il-proġetti rebbieħa hawn.

Lejn tranżizzjoni ġusta – fejn hemm rieda, hemm soluzzjoni ...

Il-KESE ppubblika fuljett dwar il-ħames rebbieħa tal-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili 2021. Dawk li jixtiequ jkunu jafu aktar ser isibu wkoll fatti interessanti dwar ħafna proġetti klimatiċi oħra mill-aqwa li rċevejna, flimkien ma’ ħafna informazzjoni ta’ sfond dwar il-ħidma tal-KESE b’rabta mal-klima u dwar il-premju nnifsu.

 

Aħbarijiet tal-KESE

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili 2021 dwar l-azzjoni klimatika jingħata lill-assoċjazzjoni Belġjana Grootouders voor het Klimaat (Nanniet għall-Klima)

Fid-9 ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippremja lil ħames organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li l-proġetti klimatiċi kreattivi u ta’ ispirazzjoni tagħhom jippromovu tranżizzjoni ġusta u ekoloġika għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

 

Kont taf?

Ir-rebbieħa tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2021, l-assoċjazzjoni “Nanniet għall-Klima”, għandha ħafna ambaxxaturi li jappoġġjaw il-ħidma tagħha. Ħafna minnhom huma magħrufa sew, iżda l-ambaxxatriċi l-aktar famuża tagħha hija Jane Goodall, ir-riċerkatriċi legendarja tax-ximpanżi u l-esperta ewlenija fid-dinja dwar l-ispeċi. Is-Sinjura Goodall intgħażlet bħala l-100 ambaxxatriċi tan-“Nanniet għall-Klima” f’Ottubru 2020.

 

Aħbarijiet mingħand rebbieħa preċedenti

Dwar missjoni ta’ tnaqqis tal-iskart: xejn ġdid fit-22

Waħda mir-rebbieħa tas-sena l-oħra tal-Premju tal-KESE għas-Solidarjetà Ċivili, Cherwell Collective mir-Renju Unit, għadha kif ingħatat premju prestiġjuż għall-klima fir-Renju Unit għall-proġett il-ġdid tagħha tal-ekonomija ċirkolari. Din il-kumpanija bbażata f’Oxford u mingħajr skop ta’ qligħ rebħet il-premju tagħna fl-2020 għall-forniment ta’ ikel lir-residenti fil-bżonn matul il-COVID, u t-tagħlim li tathom dwar kif ikabbru l-ikel tagħhom stess u jagħmlu l-aħjar użu mill-ikel żejjed kollu.

Minn fomm ir-rebbieħa

Inħallu warajna legat sostenibbli

“Grootouders voor het Klimaat” (Nanniet għall-Klima) jaħsbu li dawk li għandhom ’il fuq minn 55 sena għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – il-proġett rebbieħ tagħhom “It-Tfaddil tagħna għall-Ġejjieni tagħhom” iħeġġeġ lill-anzjani jinvestu flushom b’mod għaqli għall-ġid tal-pjaneta tagħna u jħallu dinja aħjar u aktar sostenibbli għan-neputijiet tagħhom. “In-nanniet” issa qed jaħdmu fuq proġetti eċċitanti oħrajn li kollha jippromovu s-solidarjetà interġenerazzjonali u l-investiment sostenibbli.

 

Sħana fil-Belt

B’kurżità biex jitgħallem dwar kif ir-residenti ta’ Ljubljana ħassewhom dwar is-sħana żejda f’belthom u b’riżultat tal-frustrazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet muniċipali biex jagħmlu xi ħaġa dwarha, l-istudio urban Prostorož nieda l-proġett Hot Spots u stieden liċ-ċittadini jidentifikaw l-aktar postijiet sħan tal-belt fuq mappa diġitali. B’sorpriża, il-proġett kellu rispons qawwi mir-residenti u l-midja, bi proposti konkreti dwar kif għandha tiġi indirizzata s-sħana urbana żejda. Zala Velkavrh minn Prostorož taqsam magħna s-sigriet tas-suċċess tal-proġett, kif ukoll il-pjani futuri tal-istudio.

Nidħlu fix-Xena

Tliet NGOs Estonjani - il-Moviment Ekoloġiku Estonjan, il-Fond Estonjan għan-Natura u ċ-Ċentru Estonjan tal-Liġi Ambjentali - xebgħu jisimgħu l-istess skużi u ddeċidew li jidħlu fix-xena u jlaqqgħu flimkien partijiet ikkonċernati differenti għal dibattitu dwar tranżizzjoni ġusta f’pajjiż li għandu waħda mill-akbar impronti tal-karbonju fid-dinja. Il-proġett ta’ komunikazzjoni tagħhom iffoka fuq ir-reġjun tal-Grigal fejn ix-shale bituminuż għadu meqjus bħala l-aqwa fost il-fjuwils u fejn il-biċċa l-kbira tal-impjiegi tiddependi fuq l-industrija tax-shale bituminuż, li se jkollha titneħħa gradwalment. Ma kienx se jkun dibattitu faċli, iżda r-riżultati kienu inkoraġġanti.

Soluzzjoni li minnha jgawdi kulħadd proposta mir-Rumanija

Il-proġett eċċellenti “educlick” tal-Ateliere Fără Frontiere (Workshops mingħajr fruntieri) tar-Rumanija jgħaqqad tnejn mis-suġġetti jaħarqu tal-lum – il-ġustizza soċjali u l-ekonomija ċirkolari – b’mod impressjonanti: dan il-proġett jimpjega persuni minn sfondi vulnerabbli biex jirrikondizzjonaw l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Ladarba jiġi rikondizzjonat, it-tagħmir imbagħad jingħata lil skejjel f’żoni żvantaġġati. Costin Dragne mill-NGO jgħidilna aktar dwar il-proġett, u xi jfisser il-Premju tal-KESE għall-ħidma tagħhom.

Tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar enerġetiku

Determinata li tbiddel il-perċezzjoni tan-nies li jesperjenzaw il-faqar enerġetiku bħala vittmi mingħajr għajnuna, l-assoċjazzjoni Katalana “Engineers Without Borders” bdiet torganizza assembleji kollettivi biex tagħti pjattaforma lil dawk bi ftit aċċess għall-enerġija jew l-ilma, u lil dawk li qed isibuha diffiċli biex iħallsu l-kontijiet. Mònica Guiteras, f’isem l-assoċjazzjoni, qaltilna kif l-assembleji pprovdew spazju sikur u viċin dawn in-nies, sabiex huma jirrealizzaw li mhumiex vittmi, iżda pjuttost il-protagonisti u l-aġenti tal-bidla fit-tranżizzjoni tal-enerġija.