L-eżami tal-kompetittività għandu japplika għal kwalunkwe proċess ta’ tfassil ta’ politika u leġiżlattiv tal-UE, il-KESE jsostni f’Opinjoni ġdida fejn jipproponi wkoll “aġenda tal-kompetittività” tal-UE.

Fl-Opinjoni, adottata fil-plenarja ta’ Diċembru, il-KESE jsostni li l-impatt tal-politiki u r-regolamenti tal-UE fuq il-kompetittività tan-negozji tal-UE jeħtieġ li jiġi vvalutat b’mod aktar komprensiv u sistematiku minn kif qed isir bħalissa. 

L-eżami tal-kompetittività għandu jkopri l-leġiżlazzjoni, il-miżuri fiskali, l-istrateġiji, il-programmi, il-ftehimiet internazzjonali, u anke s-Semestru Ewropew. L-eżami tal-kompetittività għandu jeżamina l-impatt tagħhom fuq in-negozji, l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kost tal-konformità. Huwa għandu jqis kif dawn jistgħu jaffettwaw, fit-terminu qasir u fit-tul, lin-negozji f’setturi differenti, ta’ daqsijiet differenti u b’mudelli ta’ negozju differenti.

Is-sehem tal-UE tal-PDG globali ilu jonqos għal xi żmien mhux ħażin, u jista’ jiċkien għal inqas minn 10% sal-2050. Il-prospettiva fuq terminu qasir mhijiex aħjar, bil-konsegwenzi kontinwi tal-COVID-19, il-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni li qed tiżdied, il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u d-dipendenza fuq importazzjonijiet barranin ewlenin. Jekk ma’ dan kollu inżidu wkoll it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, ikollna idea pjuttost tajba tal-isfidi enormi li n-negozji tal-UE qed jaffaċċjaw.

Kif nistgħu niżguraw li l-kompetittività u n-negozji jingħataw rwol aktar prominenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE? Il-KESE jipproponi approċċ fuq tliet livelli.

L-ewwel, fil-livell tekniku, il-KESE jissuġġerixxi li tissaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea billi l-eżami tal-kompetittività jsir obbligatorju u ħafna aktar estensiv. 

“Il-Kummissjoni Ewropea diġà trid twettaq valutazzjonijiet tal-impatt fejn jitqiesu l-effetti ta’ inizjattiva fuq il-kompetittività,” qal Christian Ardhe, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE. “Madankollu, hemm ukoll ħtieġa ċara għal titjib, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar”.

It-tieni, fil-livell politiku, il-kompetittività għandha titqies b’mod adegwat fit-tfassil ta’ inizjattivi ġodda, li għandhom jiġi vvalutati fir-rigward tal-kontribut u l-appoġġ tagħhom għall-kompetittività.

It-tielet, il-Kumitat jappella għal aġenda tal-kompetittività speċifika, bl-għan ewlieni fit-tul li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. 

“Permezz ta’ din l-Opinjoni, nixtiequ li jiġu eżaminatu mill-ġdid il-modi kif il-kompetittività tiġi mmonitorjata, u nqisu l-kumplessitajiet involuti f’dan il-qasam,” qal Giuseppe Guerini, korelatur għall-Opinjoni. “Illum, il-kompetittività m’għadhiex xi ħaġa li taffettwa lin-negozji jew lill-kumpaniji individwali, iżda tirrigwarda verament lill-ekosistemi. Għaldaqstant, jeħtieġ li nadottaw approċċ aktar kumpless meta nkunu qed nittrattawha”. 

L-Opinjoni tfasslet fuq talba mill-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-UE. (dm)